Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201162

PR201162

19/06/2020

 

 

​​​STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI, MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI, MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ARTIJIET U L-KOSTRUZZJONI

Investiment ta' €750,000 fi Pjan għal Ħolqien Ekonomiku, Soċjali u Kulturali għall-Belt Valletta

Mill-ewwel ta' Lulju sal-aħħar ta' Settembru 2020, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali se tmexxi pjan maħsub biex fil-Belt Valletta terġa' tinħoloq il-klima ekonomika, soċjali u kulturali li konna drajna sa qabel l-ewwel ta' Jannar 2020. Il-Belt Valletta hu l-aktar post milqut f'Malta wara l-COVID-19. L-attività ekonomika, il-ħwienet, l-ospitalità, il-mużewijiet u postijiet oħra fil-Belt ħadu l-akbar daqqa f'pajjiżna.

L-attivitajiet kulturali ta' belt kapitali vibranti, li tant kienet saret popolari għalihom il-Belt Valletta, waqfu ħesrem. Dan il-pjan, imħejji mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bl-appoġġ tal-gvern, tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, tal-Awtorità Maltija għat-Trasport, tal-Awtorità Maltija tal-Artijiet u tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, hu maħsub sabiex fis-Sajf 2020, fuq medda ta' tliet xhur, tingħata spinta ekonomika, soċjali u kulturali lill-Belt Valletta.

Il-pjan b'investiment dirett ta' €750,000 li jkoppri dawn it-tliet xhur partikolari jinkludi fih ħames miżuri prinċipali u inizjattivi oħra li ser ikunu ta' stimulu ekonomiku, soċjali u kulturali;

1. Se jitneħħa l-ħlas tal-permess għal 'Tables and Chairs' matul dan il-perjodu;

2. Se titneħħa t-tariffa tas-CVA matul dan il-perjodu;

3. Ferry Connections SLIEMA-VLT, COTTONERA-VLT b'xejn mit-Tnejn sal-Ħadd, mis-6 ta' filgħaxija sa nofsillejl;

4. Id-dħul tal-mużewijiet fil-Belt Valletta bla ħlas, matul Lulju kollu;

5. Medja ta' tlett attivitajiet kulturali fil-ġimgħa mifruxa madwar il-belt kapitali kollha.

 

“Iċ-ċavetta tas-suċċess ta' dan il-gvern hija l-kordjalità u s-solidarjetà li hemm bejn il-Membri tal-Kabinett li jsarraf f'ħidma koordinata u effettiva," stqarr l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera. Huwa qal li b'din l-inizjattiva qed ninvestu fl-aspett patrimonjali u kulturali tal-Belt Valletta sabiex nerġgħu nattiraw lin-nies mill-ġdid. Saħaq li dan huwa parti mil-legat sabiex il-Belt Valletta tkun vibranti u tkun fiċ-ċentru tal-ekonomija u attività soċjali.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li, sabiex t-toroq tal-Belt Valletta jerġgħu jimtlew bil-ħajja, il-Ministeru flimkien ma' Transport Malta qed jaraw li mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru, is-CVA fil-Belt Valletta se jkun bla ħlas, miżura li se tkun qed tiswa' mal- €200,000. “Apparti minn hekk, qed naraw li nippromwovu l-użu ta' mezzi ta' transport aktar sostenibbli, fosthom dak tal-Ferry Services. Qed naraw li l-vjaġġi bejn Tas-Sliema u l-Belt u l-Kottonera kuljum mis-6 ta' filgħaxija sa nofs il-lejl se jkunu b'xejn għat-tliet xhur li ġejjin," sostna l-Ministru Borg.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-kapitali Maltija hija s-sisien ta' kull vjaġġ f'pajjiżna, hekk kif 91% tat-turisti kollha li jżuru pajjiżna jiġu l-Belt Valletta. Qalet li huwa naturali li l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jappoġġjaw inizjattiva bħal din, li hi mmirata li terġa' tagħti l-ħajja lill-kapitali li tant inħobbu u li toffri esperjenza indimentikabbli lit-turist li jżurha. Fil-fatt, l-Awtorità se tkun qed tinvesti €300,000 f'din l-inizjattiva. Stqarret li t-turisti wkoll saru jfittxu akkomodazzjoni fil-Belt Valletta, fejn qalet li madwar 10% tat-turisti kollha f'pajjiżna jagħżlu li joqgħodu l-Belt. ​

“Għaldaqstant, aħna fid-dmir li noffru ambjent b'saħħtu u kulturali li joħroġ it-tradizzjonijiet u dak kollu li jagħmilna Maltin u Għawdxin," qalet il-Ministru Farrugia Portelli. Semmiet ukoll l-importanza li tinfirex l-esperjenza tat-turist minn dik kulinarja, sa l-istorja, fejn it-turist se jkollu l-opportunità li jżur attrazzjonijiet bħall-Barrakka ta' Fuq, il-Mużew tal-Gwerra u s-Saluting Battery, fost ħafna oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius qal li fost il-miżuri hemm dik tat-'tables and chairs', fejn il-permess tal-ħlas ser jitneħħa għal kollox sabiex fil-Belt Valletta terġa' tinħoloq il-klima ekonomika soċjali li konna drajna. Din il-miżura ser issir b'effett mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru, u hi miżura li se tgħin speċjalment lir-ristoranti kollha, il-postijiet ta' divertiment u l-lukandi fil-Belt Valletta.

“Permezz ta' dan il-pjan, li se jinkludi inċentivi għan-negozju kollu fil-Belt Valletta, l-istabbilimenti tal-ospitalità u oħrajn, kif ukoll medda ta' tlett attivitajiet kulturali fil-ġimgħa li se jiġbdu lill-pubbliku lejn il-Belt, se niżguraw li l-Belt Kapitali terġa' tqum fuq saqajha u tirkupra mill-effett negattiv li ħalliet fuqha l-pandemija globali li għaddejna minnha matul l-aħħar xhur," sostna Jason Micallef, iċ-Chairman tal- Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.​