Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201164

PR201164

19/06/2020

STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA: Il-Gvern u l-Kummissjoni Veneżja kkonkludew pożittivament l-ewwel proċess ta’ riformi – se jitressqu mill-ewwel quddiem il-Parlament - il-Prim Ministru Robert Abela

​F'konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta' Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern u l-Kummissjoni Veneżja kkonkludew pożittivament l-ewwel proċess ta' riformi li bdew fl-ewwel jiem ta' Gvern imexxi minn Robert Abela, fejn il-Kummissjoni Veneżja laqgħet favorevolment il-miżuri tal-Gvern Malti li saru wara proċess wiesgħa ħafna ta' konsultazzjoni.

“Dan il-proċess kien fih ir-rieda tal-Gvern, li qies, ikkonsulta u fl-aħħar mill-aħħar ġew milqugħa favorevolment il-proposti mressqa quddiem il-Kummissjoni Veneżja. Dawn se jkunu qed jersqu quddiem il-Parlament mill-ewwel sabiex jissoktaw ir-rifomi bil-għan li tissaħħaħ s-Saltna tad-Dritt u t-tisħiħ tal-istituzzjonjiet filwaqt li ssir ħidma sabiex titjieb u tisaħħaħ ir-reputazzjoni ta' pajjiżna", stqarr il-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela sostna li huwa se jkun qed jara li l-proċess kollu jitwettaq u ħabbar kif l-abbozzi ta' liġiijet qed jiġu finalizzati u la jkunu mressqa se jkunu jistgħu jiġu aċċessati minn kulħadd.  Sabiex din ma tibqax riforma fuq il-karta biss, tenna l-Prim Ministru.

B'referenza għall-allegazzjonijiiet li saru fil-mezzi tax-xandir, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn għandhom ikunu investigati, sakemm din l-investigazzjoni mhux diġa' qed isir u ħadd m'għandu jħares lejn wiċċ ħadd. Dr Abela saħaq li l-Pulizija għandha r-riżorsi kollha u jekk dawk mhux bizzejjed allura jingħataw iżjed. “Jekk xi ħadd jinstab li wettaq xi ħaġa kriminali allura dan għandu jitressaq għall-ġustizzja", temm jgħid il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis spjega li dawn ir-riformi li qed jiġu mbuttati 'l quddiem huma riformi li huma b'saħħithom daqs u akbar mir-riforma tal-1974 meta Malta saret Repubblika u fl-1987 meta wkoll saru emendi fil-Kostituzzjoni.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li r-riformi se jkunu s-segwenti:

  • President tar-Repubblika:

Il-Gvern huwa kommess li jipproponi li l-President tar-Repubblika jinħtar u jitneħħa b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Se jkun propost ukoll mekkaniżmu gradat biex in-nomina tkun tista' tibqa' għaddejja.

  • il-ħatra tal-ġudikanti:

Il-kompożizzjoni tal-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikanti qiegħed jiġi rivedut fejn aktar min-nofs il-membri se jkunu membri tal-ġudikatura. Is-sistema ta' sejħa pubblika kontinwa għal postijiet vakati fil-ġudikatura se tiġi supplimentata b'sejħa pubblika għal vakanzi individwali. Il-Gvern qiegħed jipproponi li l-kriterji ta' evalwazzjoni li diġà huma pubbliċi, se jkunu minquxa fil-Kostituzzjoni. Il-proposti jintroduċu referenza diretta tal-aktar tliet kandidati idoneji lill-President tar-Repubblika li se jkun qed jaħtar lill-Imħallfin u l-Maġistrati mill-ismijiet riferuti lilu. L-ismijiet tat-tliet kandidati kwalifikati se jiġu wkoll ippubblikati. Din is-sistema se telimina l-possibilità li jkollok kandidati appuntati direttament mill-Gvern jew li l-Gvern juża l-veto fil-konfront ta' kandidat.

  • il-ħatra tal-Prim Imħallef:

Il-Gvern qiegħed jipproponi li l-ħatra ssir permezz taż-żewġ terzi tal-membri parlamentari. Qiegħed jiġi propost ukoll mekkaniżmu gradat biex in-nomina tkun tista' tibqa' għaddejja.

  • id-dixxiplina u t-tneħħija tal-ġudikanti:

Id-dixxiplina fil-konfront tal-ġudikanti, inklużi t-tneħħija tagħhom, se tkun il-prerogattiva tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Bħal fil-każ tal-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikanti, il-Gvern qiegħed jipproponi it-tneħħija tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat mill-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, mhu se jkun hemm ebda rwol għall-Gvern jew għall-politiċi. Il-maġġoranza tal-membri tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandhom ikunu membri tal-ġudikatura.

  • Prosekuzzjoni:

L-Avukat Ġenerali (Direttur tal-Prosekuturi Pubbliċi) illum infatam mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Huwa se jieħu f'idejh il-prosekuzzjonijiet ta' dawk ir-reati li jġorru magħhom piena ta' aktar minn sentejn priġunerija (inklużi dawk relatati ma' korruzzjoni), waqt li l-pulizija se tibqa' responsabbli għax-xogħol investigattiv. Se jiġu proposti emendi biex jipprovdu għal possibilità ta' reviżjoni ġudizzjarja ta' deċiżjoni meħuda mill-Prosekutur Pubbliku li ma jieħux passi. L-istatus tal-parti mweġġa' ex lege se tiġi attribwita għall-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzjoni, l-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-Awditur Ġenerali.

  • Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni:

Qed jiġu proposti emendi legali, fosthom dawk li se jassiguraw li rapporti li fihom il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ssib kondotta korrotta, tintbagħat direttament lill-Prosekutur Pubbliku.

  • L-Ombudsman:

Se jiġu proposti emendi legali fil-Kostituzzjoni, dwar il-ħatra, it-tneħħija u s-sospensjoni tal-Ombudsman. L-emendi proposti se jipprovdu obbligazzjoni mandatorja li r-rapport Annwali tal-istess Ombudsman ikun dibattut fil-Parlament.

  • Ħatriet f'Kummissjonijiet Indipendenti:

Is-setgħat li bħalissa jżomm f'idejh il-Prim Ministru li jaħtar uffiċjali għolja se tgħaddi għand il-Kabinett tal-Ministri. Il-Gvern jinsab kommess li jgħaddi aktar poteri li bħalissa qegħdin f'idejn il-Prim Ministru, lill-Kabinett tal-Ministri sabiex jinħatru kummissjonijiet indipendenti. Dan kollu f'qafas ta' Konvenzjoni Kostituzzjonali.

  • Segretarji Permanenti:

Se jitressaqu emendi legali sabiex ikun assigurat li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li hija Kummissjoni indipendenti li toħroġ mill-Kostituzzjoni, tkun tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-President tar-Repubblika sabiex ikunu jistgħu jinħatru b'mod dirett is-Segretarji Permanenti anke wara li tittieħed inkonsiderazzjoni r-rakkomandazzjoni tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. Il-ħatra tas-Segretarju Permanenti Ewlieni għandha ssir mill-President tar-Repubblika.

  • Persuni u pożizzjonijet ta' fiduċja:

Se jiġi propost tibdil legali li jistabbilixxi bażi legali għall-ħatra ta' persuni ta' fiduċja. Dan se jkun limitat għall-ħatra ta' konsulenti mal-Ministri jew Segretarji Parlamentari, u impjegati fis-Segretarjat tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.

Fl-aħħarnett il-Ministru Zammit Lewis fakkar li l-mod ġdid li bih se jiġi maħtur il-Kummissarju tal-Pulizija huwa wkoll inkonformità ma' dak li qalet il-Kummissjoni Veneżja.