Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201179

PR201179

22/06/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT U L-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Iċċelebrat il-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku

Il-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku, li jiġi ċċelebrat ta' kull sena fit-23 ta' Ġunju, ifakkarna fl-importanza tas-servizz pubbliku u l-persuni li jiddedikaw ruħhom ta' kuljum għas-suċċess tan-nazzjon.

Lejliet il-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku, il-President George Vella faħħar il-mod li bih is-Servizz Pubbliku baqa' għaddej bil-ħidma bla waqfien anke fiċ-ċirkustanzi li ġabu magħhom l-aħħar xhur minħabba l-imxija tal-pandemija Covid-19.

Il-President ingħaqad mal-kumplament tad-dinja biex ifakkar dan il-jum billi faħħar kif fl-aħħar ġimgħat iddedika l-ħin tiegħu biex jiltaqa' ma' diversi entitajiet pubbliċi, assoċjazzjonijiet, l-imsieħba soċjali, u għaqdiet volontarji biex iroddilhom ħajr għax-xogħol li wettqu matul il-pandemija u jisma' direttament minn fommhom id-diffikultajiet u l-isfidi li setgħu ltaqgħu magħhom.

Tenna li matul il-pandemija s-servizz pubbliku wera li kien magħqud u kulħadd ġibed ħabel wieħed. Fuq kollox, stqarr li kien hemm element qawwi ta' flessibilità li wasslet biex f'baħar imqalleb, il-vapur ma nkaljax iżda baqa' għaddej bi kwalità għolja ħafna.

Il-President silet ukoll xi esperjenzi li tgħallem il-poplu minn dak li għaddejna minnu, fosthom li permezz tat-telework u arranġamenti favur bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja, meta wżati sew, jaħdmu sew għall-benefiċċju ta' kulħadd. Temm billi saħaq li s-Servizz Pubbliku għandu jkun mudell ta' mġiba u kwalità għal kull ċittadin.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, saħaq li l-viżjoni ewlenija tas-Servizz Pubbliku trid twassal biex jintlaħaq servizz ta' eċċellenza fis-snin li ġejjin. Fisser kif biex dan isir, irridu ninvestu fit-teknoloġija, fit-taħriġ, u fin-nies hekk kif stqarr li jemmen li aħna 'leaders' f'dan il-qasam.

Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm l-20 Segretarju Permanenti.​​