Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201181

PR201181

23/06/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI “Il-pandemija kienet esperjenza li minnha tgħallimna ħafna. Se nkomplu bil-proġetti biex nilqgħu għal kull eventwalità li tista’ tolqot dirett lill-poplu u lill-pajjiż” - is-Segretarju Permanenti

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar żar id-Depot tal-Pulizija fil-Furjana, il-Kwartieri tal-Forzi Armati f'Ħal Luqa u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'Ħal Far, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku fit-23 ta' Ġunju. Hemmhekk iltaqa' ma' għadd ta' ħaddiema li kollha jagħmlu xogħol siewi biex is-servizzi jingħataw 24 siegħa kuljum, is-sena kollha.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni beda ż-żjara tiegħu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn iltaqa' mad-Direttur Ġenerali, is-Sur Emanuel Psaila, u mal-ħaddiema kollha, u segwa t-taħriġ li kien għaddej. Fost l-oħrajn sar taħriġ ta' salvataġġ fl-għoli kif ukoll taħriġ ta' dekontaminazzjoni minn materjali tossiċi. Is-Sur Cutajar ra l-aħħar inġenji li nxtraw, fosthom vetturi tat-tifi tan-nar u apparat speċjali ieħor. F'dan iċ-ċentru qed jinbnew ukoll imħażen għall-HAZMAT kif ukoll garaxx għall-vetturi tat-tifi tan-nar. 

 

Is-Sur Cutajar irringrazzja lill-ħaddiema kollha għax bis-saħħa tagħhom rajna lis-Servizz Pubbliku fl-aqwa tiegħu. Enfasizza li mill-esperjenza li akkwistajna waqt il-Covid-19, nibqgħu nippreparaw irwieħna għal kull eventwalità li tista' tolqot lill-poplu Malti.

 

Waqt iż-żjara li għamel fil-Kwartieri tal-Armata, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ntlaqa' mill-Brigadier, is-Sur Jeffrey Curmi, u ddawwar maċ-ċentri speċjalizzati li fihom issir sorveljanza ta' dak kollu li jkun qed jiġri fit-territorju Malti, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. Is-Sur Cutajar iltaqa' ma' uffiċjali li jagħmlu xogħol ta' monitoraġġ kontinwu fuq il-baħar. Hu rringrazzja lil dawn il-protagonisti u qal li dan hu xogħol importantissimu minn nies li ma jidhrux imma li jkunu hemm 24 siegħa kuljum, is-sena kollha. 

 

Fid-Depot tal-Pulizija, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ġie milqugħ mill-Aġent Kummissarju, is-Sur Carmelo Magri, u mis-CEO, is-Sur Angelo Gafà. Fuq il-post iltaqa' ma' numru kbir ta' uffiċjali tal-Pulizija li servew waqt il-pandemija. Żar il-bini l-ġdid fuq wara tad-Depot li se jkun qed iservi ta' ċentru konsolidat li fost l-oħrajn se jilqa' fih is-Cyber Crime Unit, control room ġdida u laboratorji forensiċi. Dan il-proġett ta' madwar 1.5 miljun ewro mistenni jitlesta s-sena d-dieħla. Il-Kap taċ-Ċivil irrimarka li hu importanti li l-forzi dixxiplinati jibqgħu jaġġornaw irwieħhom maż-żminijiet. Fid-Depot, is-Segretarju Permanenti Ewlieni żar ukoll iċ-ċentru speċjalizzat tal-112 fejn jidħlu t-telefonati kollha ta' emerġenza.       

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni temm jgħid li bl-investiment li qed isir fil-forzi dixxiplinati tagħna, is-servizz li qed jingħata qed ikompli jkun dejjem tal-aqwa kwalità fejn il-pubbliku għandu serħan il-moħħ li ninsabu preparati għal kulma jista' jinqala. Hu tenna l-messaġġ ewlieni marbut mal-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku, fejn is-Servizz Pubbliku jinsab fl-aqwa tiegħu u li kull min jixtieq jagħmel differenza fis-soċjetà għandu jfittex karriera fis-Servizz Pubbliku.​​