Is-Sa Christine Schembri ġiet maħtura segretarju permanenti fl-Uffiċċju tal-Kabinett, responsabbli mill-Kordinazzjoni u l-Implimentazzjoni, filwaqt li s-Sa Joyce Dimech se tkun qed tassumi r-responsabbiltà ta' Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Sa mill-2014, is-Sa Christine Schembri qdiet il-funzjoni ta' Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Min-naħa l-oħra, is-Sa Joyce Dimech serviet bħala Segretarju Permanenti (Strateġija u Implimentazzjoni) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-2014 u qabel bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex.
Is-Servizz Pubbliku jixtieq jirringrazzja wkoll lis-Sur Joseph Camilleri li serva ta' Segretarju Permanenti mill-2013, kemm fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kif ukoll aktar qabel fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili. Huwa se jinħatar bħala Kummissarju Elettorali Ewlieni minflok is-Sur Joseph Church li ser ikun qed itemm il-ħatra tiegħu f'Lulju.
Ix-xahar ta' Lulju ser ikun il-perjodu ta' tranżizzjoni għat-tliet uffiċjali sakemm jidħlu f'posthom sa tmiem Lulju.