Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201207

PR201207

26/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI U MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAS-SERVIZZI FINANZJARJI U L-EKONOMIJA DIĠITALI Żjara fl- International Tax Unit u Tech.MT


Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji l-Prof. Edward Scicluna flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo għamlu żjara ġewwa l-International Tax Unit (ITU) u ġewwa l-fondazzjoni Tech.MT fiż-Żejtun.

 

F'din iż-żjara, il-Ministru flimkien mas-Segretarju Parlamentari ltaqgħu mad-Direttur Ġenerali tal-ITU s-sur Aldo Farrugia u mal-bord tat-Tech.MT immexxi mic-Ċermen is-sur Mark Bugeja u s-CEO Ms Dana Farrugia.

 

Il-Ministru Scicluna enfasiżża l-importanza tad-dipartiment tat-taxxa, speċjalment fid-dawl tal-bidliet li għaddejjin bħalissa f'dan il-qasam fuq livell internazzjonali. Dan id-dipartiment għandu rwol kruċjali f'dak li għandu x'jaqsam mad-dħul tal-Gvern u fl-istess ħin li jassigura l-konformita' mal-liġijiet internazzjonali tal-ħasil ta' flus u l-evitar tat-taxxa.

 

Waqt id-diskussjoni mal-Bord tad-Diretturi tat-Tech.MT Il-Prof Scicluna irrimarka dwar il-bżonn li nagħmlu font komuni u kkoordinat biex nimbuttaw il-quddiem it-teknoloġija diġitali b'mod olistiku speċjalment fil-konfront tal-kompetittivita' finanzjarja.

 

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo, irrimarka x-xogħol tajjeb li qed tagħmel din l-Awtorità biex il-qasam teknoloġiku f'pajjiżna jkompli jissaħħaħ.


Żied jgħid li l-Gvern qed jaħdem bi sħiħ biex bħala pajjiż ma nibqgħux restrittivi iżda nħarsu lejn it-teknoloġija bħala t-triq 'l quddiem fejn jidħlu niċeċ ekonomiċi ġodda.


“Ma rridux norbtu lilna nfusna ma' settur partikolari jew ieħor. Irridu nħarsu lejn mudell ekonomiku iżjed diversifikat u flessibli. Fil-fatt aktar kmieni din il-ġimgħa nedejna Think Tank dwar l-ekonomija diġitali magħmul minn numru ta' professjonisti bil-għan li nfasslu strateġija għal x'ħa jkun il-futur ta' Malta Diġitali fil-ħames snin li ġejjin." Żied jgħid is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.