Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201230

PR201230

30/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U NEGOZJI ŻGĦAR: Tnedija tas-sistema ta’ vawċers għan-negozji sabiex jattivaw il-kont tal-voucher tan-negozju fil-ħamest ijiem li ġejjin

'Injezzjoni ta' €45 miljun sabiex nixprunaw l-attività ekonomika għal kulħadd' – Ministru Silvio Schembri

 

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri nieda s-sistema tal-vawċers għan-negozji sabiex jattivaw online l-kont tal-vawċer tan-negozji tul din il-ġimgħa. Ingħatat informazzjoni f'għaxar instruzzjonijiet sempliċi sabiex il-proċess ta' attivazzjoni jkun segwit.

 

Waqt konferenza, il-Ministru Schembri spjega kif in-negozji eleġibbli se jirċievu l-ewwel ittra rreġistrata bid-dettalji u kodiċi ta' attivazzjoni li mbagħad iridu jkunu użati sabiex ikun attivat il-kont tan-negozju online, permezz ta' app li ġiet approvata għal dan il-għan.

 

Huwa importanti li l-attivazzjoni tal-kont tal-vawċers għan-negozji jkun attivat b'mod immedjat sabiex ikunu jistgħu jissarrfu l-vawċers użati. L-ammont ta' negozji eliġibbli għal din il-miżura jammonta għal 25,000.

 

Permezz tal-użu tal-app, negozji se jkunu jistgħu jirċievu l-vawċers mill-klijenti, li mbagħad l-ammont tal-vawċers imsarraf ikun trasferit fil-credit card tagħhom kuljum.

 

Kien spjegat li kull resident f'Malta se jkun qed jirċievi permezz ta' posta reġistrata ħames vawċers ta' €20 kull wieħed b'total ta' €100. Erbgħa minn dawn il-vawċers jistgħu jkunu użati f'lukandi, akkomadazzjonijiet, ristoranti, bars u skejjel tal-għadds. Il-vawċer ta' €20 oħra jistgħu jkunu użati fi ħwienet ta' bejgħ u servizzi li jingħataw min-numru kbir ta' negozji li kellhom jingħalqu minħabba l-avviżi legali 76 u 95 ippubblikati f'Marzu ta' din is-sena.

 

Klijenti se jkunu qed jippreżentaw il-vawċers tagħhom fl-ammonti ta' €20. Mal-preżentazzjoni, il-vawċers iridu jkunu ċċekjati għall-awtentiċità taħt dawl UV, li permezz tiegħu l-vawċer ileqq. Negozji m'għandhomx jaċċettaw vawċers li ma jleqqux taħt dawl UV.

 

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri rrimarka li din l-inizjattiva hija parti mill-pjan għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija u li se tkun qed tfisser injezzjoni ta' €45 miljun fl-ekonomija tagħna għax-xhur ta' Lulju, Awwissu u sa tmiem Settembru, meta l-vawċers jiskadu.

“Din il-miżura ta' €100 vawċers se tinjetta €45 miljun biex tkun xprunata attività ekonomika għal kulħadd. Sabiex din il-miżura taħdem bl-aktar mod effiċjenti, qegħdin nilħqu lin-negozji sabiex jifhmu kif ħa taħdem is-sistema, li huma jkunu konxji mill-karatteristiċi marbuta ma' sigurtà fil-vawċers infushom, u fl-aħħar nett ikollhom żmien biżżejjed sabiex jadattaw u jkunu jistgħu jaċċettaw il-vawċers. Wara li jkun segwit dan il-proċess, vawċers se jkunu mqassma matul il-ġimgħa dieħla. 

 

Il-Policy Advisor fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Keith Abela spjega li negozji jridu mbagħad jużaw l-online app sabiex jiscannjaw il-kodiċi QR fuq kull voucher u wara jiscannjaw l-irċevuta tal-VAT bil-kont tal-klijent. L-applikazzjoni tista' tkun użata permezz ta' smart phone jew tablet imqabbad mal-internet. Negozji huma fl-obbligu li jżommu l-vawċers użati, dan għax se jkunu jridu jiġu sottomessi lill-MIMCOL għal-skopijiet ta' awditjar fix-xhur li ġejjin.

 

Il-proċedura sabiex ikun attivat il-kont għall-vawċer tan-negozji għal dawk in-negozji li jirċievu l-ittra ta' eliġibilità;

 

  1. Iżur  https://app.vouchersmimcol.com;
  2. Jirreġistra permezz ta' e-mail address u password tal-għażla tiegħu;
  3. Jivvalida l-email address u jidħol fl-app;
  4. Jikteb in-numru tal-VAT (numri biss mingħajr spazji);
  5. Idaħħal il-kodiċi ta' attivazzjoni XXXXXXX;
  6. Idaħħal id-dettalji tal-credit card li fiha jixtieq li jirċievi l-flus;
  7. Jikteb l-isem tal-ħanut ;
  8. Jagħfas sabiex il-kont ikun attivat.

Il-Kap Eżekuttiva ta' MIMCOL Stanley Mifsud spjega li, f'każ li wieħed ikollu bżonn xi tip ta' assistenza, wieħed jista' jżied is-sit  www.vouchersmimcol.com jew iċempel fuq is-servizz t'għajnuna 80074950 jew permezz ta' email fuq business@vouchersmimcol.com.