Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200370

PR200370

02/03/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Aktar protezzjoni għal nies vulnerabbli waqt il-proċess ġudizzjajru

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis żar uffiċjalment il-Qorti tal-Familja fil-preżenza tal-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Frankie Mercieca, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi ta' Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri u s-Segretarju Permanenti Johan Galea. Waqt din iż-żjara ġiet inawgurata Remote Video Conferencing Facility.

 

Permezz ta' din il-faċilità qed jintbagħat messaġġ b'saħħtu fil-ġimgħa li fiha qed niċċelebraw Jum il-Mara. Il-Ministru Edward Zammit Lewis saħaq li ta' din il-faċilità se tkun qed tagħti protezzjoni lil nies vulnerabbli waqt il-proċessi ġudizzjarju, speċjalment lil nisa u tfal anke f'każijiet ta' vjolenza domestika. B'din l-inizjattiva se nkunu qed niggarantixxu proċess legali aktar integru u transparenti filwaqt li nagħtu garanziji Kostituzzjonali.

 

Kien innotat li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati hi mudell għal kull entita governattiva hekk kif 57% tal-impjegati huma tas-sess femminili filwaqt li fit-tielet pilastru tad-demokrazija, jiġifieri l-ġudikatura, 56% tal-ġudikanti huma nisa. Din l-aġenzija se tkompli tara u tassigura li din l-ugwaljanza tibqa' tiġi mħarsa u msaħħa anke' b'aktar miżuri favur il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol.

 

Il-Ministru Zammit Lewis għalaq billi tenna l-impenn tal-gvern li kull ċittadin jibqa' fiċ-ċentru tal-ħidma u ta' kull riforma li ħa jkun qed iressaq 'il quddiem. ​​