Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200410

PR200410

06/03/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Niċċelebraw Jum il-Mara mhux biss illum iżda kuljum

​Titnieda esebizzjoni dwar il-mara fis-soċjetà Maltija minn Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar.

Dr Lydia Abela qalet li fl-aħħar snin rajna diversi inizjattivi li permezz tagħhom twettqet rivoluzzjoni siekta f'dan il-pajjiż. Fost oħrajn, għamlet referenza għall-fatt li rajna President tar-Repubblika, u Kummissarju Ewropew, it-tnejn nisa. Fl-aħħar nett, Dr Abela qalet li l-policies waħidhom mhux se jwasslu għall-bidliet kbar li hemm bżonn, u li hemm bżonn ta' iktar edukazzjoni u għarfien minn età żgħira dwar dan is-suġġett.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, waqt li kien qed jindirizza l-attività ta' Jum il-Mara fi Pjazza Tritoni, tkellem dwar il-kisbiet ta' pajjiżna f'dan is-settur, u x'għad irid isir biex inkomplu nimxu 'l quddiem. Sostna li wegħda oħra ta' dan il-gvern se tkun qed titwettaq fil-jiem li ġejjin, hekk kif il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, se jkunu qed iressqu abbozz ta' liġi b'saħħtu biex, għall-ewwel darba fl-istorja ta' Malta, jiġi assigurat li wara l-elezzjoni ġenerali li ġejja, 40% tal-membri parlamentari jkunu nisa.

Il-Ministru Zammit Lewis beda billi qal li t-tema magħżula mill-Ġnus Magħquda waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Mara għal din is-sena hija 'Ġenerazzjoni Ugwaljanza'. Spjega li f'għeluq il-25 sena mid-dikjarazzjoni ta' Beijing, li fiha kien imfassal pjan ta' azzjoni għal ugwaljanza tal-ġeneru, issa huwa ż-żmien li fih id-dinja tingħaqad biex tara x'progress sar u sabiex ikollna miżuri serji u deċisivi favur ugwaljanza sħiħa.

Dr Zammit Lewis qal li fil-ministeru li jmexxi hu, ta' kuljum isir xogħol biex titħaddan politika li ma tħarisx lejn uċuħ u li tirrispetta kull ġeneru, b'ġustizzja soċjali għal kulħadd. Dan bil-fatti, hekk kif fl-istess ministeru 55% tal-ħaddiema li qegħdin f'pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet huma nisa. Ma' dawn, hemm ukoll 56% tal-ġudikanti li wkoll huma nisa. 

Qed isir xogħol ukoll fil-qasam tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru, fejn, wara li l-gvern irratifika l-konvenzjoni ta' Istanbul, issa qed tiġi msaħħa wkoll il-Kummissjoni, bl-ewwel kummissarju ingaġġata bħala full-timer, u b'żieda ta' 75% fil-baġit allokat.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar tenniet li t-tisħiħ tal-ugwaljanza huwa prinċipju b'saħħtu li hi, bħala Segretarju Parlamentari, kif ukoll il-gvern, jemmen fih bis-sħiħ.

Hija sostniet li f'dawn l-aħħar snin sar ħafna fil-qasam tal-ugwaljanza, iżda mhux biżejjed. Tenniet li għad fadal ħafna iżjed xi jsir. Qalet li l-ħolma tagħha hi li f'pajjiżna mhux biss jkollna iżjed ugwaljanza, imma wkoll li ngħixu f'soċjetà li ma tiddiskrimina kontra ħadd. Irrimarkat kif illum, fil-ġudikatura per eżempju, hemm aktar nisa milli rġiel. Hija qalet li bħalma din il-ħolma li jinħoloq bilanċ saret realtà f'dan is-settur, titwettaq xewqa oħra li jinħoloq bilanċ fir-rappreżentanza fl-għola istituzzjoni tal-pajjiż.

Għaldaqstant, filwaqt li se jiġu introdotti mekkaniżmi biex jgħinu li tintlaħaq rappreżentanza ekwa, is-Segretarju Parlamentari esprimiet ix-xewqa tagħha li dan il-mekkanizmu korrettiv ma jkunx hemm aktar bżonnu fil-futur.​​