PR200465

12/03/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU:​Se jingħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi kollha minn għada u qed ikun mitlub li jitħassru l-attivitajiet tal-massa kollha

Wara li l-gvern kontinwament qed isegwi l-aħħar żviluppi fit-tifrix ta’ Covid-19 u qed jieħu l-miżuri kollha li hemm bżonn li jieħdu, b’effett minn għada se jingħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi kollha kemm l-iskejjel primarji u sekondarji, post-sekondarji u terzjarji u allura l-Università ta’ Malta. Se jkunu qed jingħalqu wkoll iċ-childcare centres.

Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici.

Il-Prim Minisitru spjega li l-istituzzjonijiet edukattivi se jkunu magħluqa għall-perjodu ta’ ġimgħa minn għada l-Ġimgħa, sal-Ġimgħa ta’ wara fejn dakinhar terġa’ tingħata informazzjoni jekk il-perjodu ta’ għeluq hux se jkun estiż jew le abbażi tas-sitwazzjoni ta’ dakinhar. 

Dr Abela ħabbar ukoll li b’effett immedjat se jkun mitlub li fejn hemm attivitajiet tal-massa dawn ma jsirux sakemm mhux għax ikun hemm il-bżonn. L-attivitajiet tal-massa m’għandhomx isiru, stqarr il-Prim Ministru filwaqt li appella lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex ma jattendux attivitajiet tal-massa. Robert Abela stqarr li kien hemm diskussjonijiet ma’ assoċjazzjonijiet li kienu biħsiebhom li jtellgħu attivitajiet tal-massa fosthom il-Malta Football Association li bi qbil mal-gvern il-logħob tas-senior u l-youth league se jsiru bil-bibien magħluqa filwaqt li l-logħbiet tal-youth FA u l-Gozo youth FA se jkunu sospiżi.

“Dan huwa l-ispirtu li rridu naħdmu fih, spirtu ta’ kooperazzjoni, il-gvern mhux ser jittollera sitwazzjonijiet fejn il-gvern jagħti direzzjonijiet biex ma jsirux l-attivitajiet tal-massa u jkun hemm min jisfida. Mhux se jkun hemm tolleranza għal din l-attitudni. Dan huwa l-mument fejn nuru rispett lil xulxin”, stqarr il-Prim Ministru Abela.

Robert Abela ħabbar ukoll li wara li saru diskussjonijiet mal-Arċisqof ta’ Malta u l-Isqof ta’ Għawdex, b’effett min-nhar it-Tnejn li ġej il-quddies se tibda tixxandar fuq TVM 2 filgħodu, u wara nofsinhar se jkun trasmess ir-rużarju, dan filwaqt li se jkunu mħabbra aktar direzzjonijiet fir-rigward tal-quddies mill-Ariċisqof ta’Malta.

Qed nerġgħu nwasslu l-messaġġ li s-saħħa tal-poplu tagħna hija l-ewwel u l-ewwel prijorità ta’ dan il-gvern, iva bħalissa qed jittieħdu deċiżjonijiet li jinħassu skomdi, imma huma deċiżjonijiet meħtieġa biex inżommu s-sitwazzjoni kif inhi, kalma, qed inkunu proattivi mhux qed nistennew, qed nieħdu d-deċiżjonijiet siegħa b’siegħa, id-deċiżjonijiet li huma meħtieġa qed jittieħdu kollha skont mhux biss l-esperti iżda anke billi nisimgħu mill-poplu Malti u Għawdxi sostna Dr Abela.

Il-Prim Ministru appella għall-kooperazzjoni mill-unions, miċ-ċittadini, minn dawk li jħaddmu, din hija sitwazzjoni li aktar kemm inkunu magħquda bħala nazzjon, aktar noħorġu minnha malajr. 

Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-aħjar mod biex nilqgħu dan il-virus huwa li ma nħallux jew inaqqsu l-opportunitajiet li dan jinxtered minn persuna għall-oħra. Fil-fatt s’issa id-9 każijiet li għandna f’Malta huma kollha każijiet importati. Il-pass li jmiss huwa li jkun hawn tixrid fil-pajjiż u għalhekk il-passi li ħabbar il-Prim Ministru llum li kemm jista’ jkun jitnaqqas il-kuntatt bejn persuna u oħra qed jittieħdu f’dan is-sens.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li permezz tal-iskema tal-POYC minn din il-ġimgħa se jkunu qed jitqassmu stock ta’ xaharejn lil 140,000 anzjan li qegħdin f’din l-iskema jew billi jitwasslulhom id-dar jew inkella billi jinġabru mill-ispiżeriji. Chris Fearne appella sabiex ma jkunx hemm żjarat mit-tfal lill-anżjani kemm jista’ jkun, filwaqt li ħabbar li se jkunu qed jingħalqu d-day centres tal-anżjani.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li żdiedet b’ħames darbiet il-kapaċità ta’ operaturi tan-nies wara n-numru 111, biex minn 10 l-istaff tela’ għal 50. Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar ukoll li n-numru 21411411 se jkun jista’ jintuża minn dawk li qegħdin fi kwarantina obbligatorja sabiex jinġibulhom ħtiġijiet bħal ikel u mediċini.

Fl-aħħar nett, Chris Fearne semma kif f’Għawdex għaddejjin preparamenti sabiex ikun hemm 60 sodda ta’ iżolament apparti l-mijiet li qed isiru f’Malta.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li dak li sar illum huwa messaġġ ċar li s-saħħa ta’ uliedna hija prijorità u tiġi qabel kollox. Il-Ministru Bonnici semma li bħala pajjiż aħna ninsabu f’minoranza minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li għalqu l-iskejjel, fil-fatt 8 biss għamlu dan, iżda huwa sostna li dan qed isir għax is-saħħa tat-tfal u l-istudenti tiġi l-ewwel.