Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200479

PR200479

13/03/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Saret il-preżentazzjoni tal-BOV Deloitte Q4 Tourism Performance Survey mill-Assoċjazzjoni Maltija tar-Ristoranti u l-Lukandi (MHRA), b'mod virtwali grazzi għall-live streaming minn fuq il-Facebook. Din kienet inizjattiva tal-MHRA, flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-Bank of Valletta, l-Awtorità Maltija ghat-Turiżmu u l-kumpanija Deloitte, li kollettivament għażlu li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti, il-konferenza ssir permezz tal-internet b'mod virtwali u sservi ta' 'good practice' għal laqgħat oħra li importanti li jsiru. Din il-konferenza lokali normalment ikollha mal-mijiet ta' parteċipanti mill-industija tat-turiżmu u n-negozji u ntlaqgħet tajjeb ħafna, għaliex kien hemm parteċipazzjoni b'saħhitha ħafna permezz tal-internet.

 

Il-konferenza ħadet dimensjoni differenti, fejn l-analiżi u l-istudju li jsir normalment minn Deloitte ġie ppreżentat fid-dawl taċ-ċirkostanzi li ġabet magħha fit-turiżmu l-pandemija tal-COVID-19.

 

Waqt din il-konferenza, Raphael Aloisio, l-Uffiċjal Kap tal-Kreditu tal-BOV, ressaq rapport fejn fih fakkar li matul dawn l-aħħar snin it-turiżmu żdied b'mod sinifikanti, iżda aċċenna l-fatt li preżentament wieħed irid jaffaċċja realtà inevitabbli, li kulħadd jaqbel li se tħalli impatt ta' volumi u profitti fuq is-settur, iżda insista li kulħadd għandu jħares lejn il-passat u l-preżent biex ikun realistiku u infurmat sew, bl-għan li tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

 

Huwa żied jgħid li l-istakeholders jeħtieġ li jiġbdu ħabel wieħed flimkien mal-awtoritajiet fi pjan ċar biex ikun żgurat li meta t-tmiem ta' din il-pandemija tkun eqreb, l-abilità li l-industrija u l-ekonomija tqum fuq saqajha se jkun kruċjali. Barra minn hekk, is-Sur Aloisio insista li rridu niżguraw li l-lukandi jibqgħu sostenibbli kemm fl-ammont ta' ħaddiema, kif ukoll finanzjarjament.

 

Il-President tal-MHRA Tony Zahra stqarr il-fatt li preżentament għaddejjin minn ċirkostanzi straordinarji. Fakkar li, 30 sena ilu, kellna Malta żewġ persuni eċċezzjonali għal laqgħa li ma setgħux jiltaqgħu fiha minħabba elementi varji li kien hemm kontrihom. Żied jgħid li bħalissa qed iħarsu lejn bosta modi kif jiġu mitigati d-danni li se jġib miegħu dan il-virus. Faħħar ukoll il-fatt li fl-aħħar ġranet kien hemm djalogu kontinwu mal-Ministru għat-Turiżmu u mal-gvern, u żied jgħid li huwa inkoraġġanti ħafna il-fatt li qed issir ħidma kollettiva fuq bażi nazzjonali. Mill-esperjenza vasta li jgawdi minnha fl-industrija, is-Sur Zahra fakkar li Malta għelbet bosta sfidi tul l-aħħar deċenji, u filwaqt li assigura li ħa jkun dejjem kommess lejn l-industrija, appella lill-membri kollegi tiegħu biex iżommu f'moħħhom li kulħadd jinsab fl-istess dgħajsa, u li kulħadd għandu iżomm sod u magħqud.

 

Min-naħa tagħha, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li bħalissa d-dinja tinsab f'baħar imqalleb, hekk kif din hija l-ikbar sfida fit-turiżmu globalment. B'sens ta' kuraġġ, Farrugia Portelli sostniet kif għandna nibqgħu sodi flimkien bħala pajjiż. Hija qalet kif, ftit tal-ġimgħat ilu biss, flimkien mal-MHRA u stakeholders oħra ewlenin f'din l-industrija, kienu għaddejjin b'diskussjonijiet dwar il-viżjoni għall-industrija tat-turiżmu għall-ħames u l-għaxar snin li ġejjin. Dak iż-żmien, l-indikazzjonijiet għall-2020 kienu pożittivi ħafna u Jannar kien l-aqwa Jannar li qatt kellna. Madankollu, hi saħqet li l-pandemija globali tal-COVID-19 biddlet ix-xenarju kompletament. Fl-indirizz tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli esprimiet l-importanza ta' deċiżjonijiet b'saħħithom u kuraġġużi f'dan il-mument kritiku. Żiedet tgħid kif fis-sigħat li ġejjin il-gvern se jkun qed iħabbar numru ta' miżuri biex jgħinu din l-industrija. Għandu jkun fl-interess ta' kulħadd li nipproteġu l-eluf ta' impjiegi fit-turiżmu, sakemm is-settur jirkupra b'mod dinjituż.

 

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija ghat-Turiżmu Johann Buttigieg, Konsulenta tal-Mediċina għas-Saħħa Pubblika Dr Maya Podesta, il-konsulent fi ħdan il-Forum tal-Mediterran għat-Turiżmu Dr Christopher Deguara u Dr Michael Frendo, bħala espert legali.

​