Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200482

PR200842

13/03/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA

Wara diskussjonijiet bejn il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Dr Edward Zammit Lewis, il-Prim Imħallef Dr Joseph Azzopardi, u l-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Louis De Gabriele, ġie deċiż li fil-Qrati tal-Ġustizzja kollha ma jsirx xogħol, salv is-setgħa ta' kwalunkwe Qorti li tordna l-ftuħ tar-reġistru tagħha, is-smigħ ta' kwalunkwe każ, u kull ħaġa konsegwenzjali u inċidentali għaliha f'każijiet urġenti jew f'każijiet li l-istess Qorti tħoss li hu fl-interess pubbliku li tali każ jinstema'.

 

Il-Ministru jagħmel referenza għall-fatt li se jiġu ppubblikati l-Avviżi Legali opportuni sabiex dan jidħol fis-seħħ minn nhar it-Tnejn 16 ta' Marzu 2020, inkluż is-sospensjoni ta' kwalunkwe termini legali u ġudizzjarji skont l-istess Avviżi Legali, liema ordni għandha tibqa' fis-seħħ sakemm tiġi revokata mis-Superintendent tas-Saħħa Pubblika skont il-liġi.

 

Il-Ministru Zammit Lewis jikkonkludi li dan qiegħed isir wara li ġew evalwati bir-reqqa l-kunsiderazzjonijiet kollha, u bl-għan li jiġu mħarsa il-ġudikatura, l-avukati, il-ħaddiema kollha tal-Qorti, u dawk il-persuni kollha li għal xi raġuni jew oħra jkollhom jaċċedu għall-Qrati tal-Ġustizzja ta' pajjiżna, u dan sabiex tiżdied il-protezzjoni mit-tixrid tal-COVID-19 fl-interess tas-sigurà u s-saħħa tal-Maltin u Għawdxin kollha.​