Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru
Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji
Edward Scicluna u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji ż-Żgħar
Silvio Schembri, ħabbar l-ewwel miżuri msejsa sabiex tkun issavalgwardjata
l-ekonomija u protetti n-negozji u l-ħaddiema.
Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar jiem u sigħat saru diskussjonijiet
mal-industrija, ma’ min iħaddem, mal-assoċjazzjonijiet wkoll ta’ min iħaddem,
fosthom il-kamra tal-kummerċ, l-MHRA, il-kamra tan-negozji żgħar u medji u
l-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem, il-MEA.
“Dan il-pakket ta’ miżuri qed jitħabbar sabiex tkun protetta l-likwidità tan-negozji
li mbagħad trid tisarraf fil-protezzjoni tal-impjiegi tal-ħaddiema Maltin u
Għawdxin,” stqarr Dr Abela.
“Dawn l-inċentivi, dan il-pakkett ta’ għajnuniet f’dan il-mument
partikolari li ninsabu fih se jkun qed jingħata fost l-oħrajn lill-industriji
l-aktar affettwati bis-sitwazzjoni li għaddejjin minnha, ewlenin it-turiżmu u
l-ospitalità, is-settur tar-rikreazzjoni, it-trasport, kif ukoll ċerti
industriji fil-manifattura. Għaldaqstant, b’effett immedjat, qed inħabbru
l-posponiment tal-ħlas tal-kontijiet tat-taxxi li jiġu dovuti fix-xahar ta’
Marzu u April ta’ din is-sena li ser inkun qiegħed insemmi: it-taxxa
proviżorja, il-value added tax, il-kontribuzzjonijiet tal-ħlas tal-bolla u t-taxxa
tal-impjegati, li se tgħodd kemm għal min iħaddem kif ukoll
għas-self-employed,” spjega l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Abela qal li, apparti dawk il-miżuri, se tkun imnedija
skema sabiex tgħin lil min investa f’sistemi ta’ teleworking u allura li jkun
hemm il-faċilità li wieħed jaħdem mid-dar, billi tingħata rifużjoni mit-taxxi
tal-ispejjeż li tħallsu.
Il-Prim Ministru sellem lill-Kamra tal-Kummerċ tad-diskussjonijiet valida
li kien hemm magħhom, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawk
li jħaddmu u tal-lukandi u r-ristoranti.
“Se nkunu qegħdin naċċelleraw il-pagamenti li huma dovuti min-naħa
tal-gvern lill-industrija, biex nagħti eżempju wieħed: ir-rifużjoni tal-ħlas
tat-taxxa fuq il-valur miżjud,” spjega l-Prim Ministru, filwaqt li tenna li dan
se jsir sabiex nibqgħu nipproteġġu l-likwidità tal-kumpaniji tagħna.
Domanda li naturalment se tqum; dawn il-kontijiet li huma dovuti għal Marzu
u April, meta se jkunu dovuti? Iżda din id-domanda mhux ser titwieġeb illum,
dan isir wara li jkun hemm proċess ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni preżenti, u
d-data ta’ meta dawn il-kontijiet jiġu dovuti jingħataw aktar ‘il quddiem,
saħaq il-Prim Ministru.
Dr Abela qal li dawn huma miżuri b’saħħithom, miżuri li se jkollhom impatt
pożittiv ħafna fuq il-pożizzjoni tal-industrija tagħna biex nissalvagwardjaw
l-impjiegi u ma jkunx hemm telf tal-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin. Dawn
mhumiex miżuri faċli, imma nistgħu nagħmluhom għax għandna ekonomija tal-pajjiż
li hija waħda reżiljenti, finanzi tal-pajjiż li huma fis-sod, fuq kollox
għaliex bħala gvern konna bilgħaqal u ħsibna għal ġurnata tal-lum, narrattiva
li għedna tul is-snin, il-ġurnata li dejjem ħsibna għaliha issa waslet u
qiegħda magħna u għalhekk bħala gvern aħna preparati u qegħdin f’pożizzjoni li
llum iniedu dan is-sett ta’ miżuri biex intaffu t-tbatija tal-industrija
tagħna, mhuwiex l-unika pakkett li se nvaraw, però huwa pakkett li se jimxi
bl-istess prinċipju fuq il-miżuri li ħabbarna fuq is-saħħa pubblika, jiġifieri
li l-miżuri li jkunu meħtieġa fl-ekonomija se jkunu qed jimxu mal-miżuri ta’
saħħa pubblika li qed nieħdu siegħa b’siegħa, sostna l-Prim Ministru.
Fl-aħħar nett, il-messaġġ irid ikun li l-gvern mhux ser jagħti blank
cheque, kulħadd irid jerfa’ parti mill-piż, kemm min iħaddem, kemm il-gvern,
kif ukoll il-ħaddiem. Din hija s-sens ta’ responsabilità, is-sens ta’ burden
sharing ta’ din is-sitwazzjoni diffiċli, u hawnekk intenni l-appell tiegħi biex
dejjem nimxu mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, għax fl-aħħar
mill-aħħar kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed, temm jgħid Dr Abela.
Waqt din il-konferenza għamlu l-interventi tagħhom ukoll il-Ministri Edward
Scicluna u Silvio Schembri.