Illum ġie mniedi helpline mill-Awtorità Maltija
għat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni
tal-Konsumatur bl-għan li jassisti lit-turisti, lill-lukandiera u nies
fl-industrija f’mistoqsijiet b’rabta mal-COVID-19. Ftit tal-ġranet ilu l-istess
awtorità bgħatet numru ta’ linji gwida lil kull lukanda liċenzjata għal aktar
għarfien dwar is-suġġett. Madankollu, bil-għan li t-turisti jkunu assistiti
b’mod aktar veloċi u dirett f’sitwazzjoni volatili, inħoloq il-helpline
21692447 u kif ukoll email: tourismcovid-19helpline@visitmalta.com.
Sadanittant, dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu u
l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, żaret numru ta’ lukandi
flimkien mal-Kap Eżekuttiv u ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u
Segretarju Permanenti tal-istess ministeru, bil-għan li jkun hemm għarfien
xieraq għat-turisti u jiġi evitat l-abbuż. Waqt dawn il-laqgħat li għalihom
kien hemm preżenti il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u
r-Ristoranti, is-Sur Andrew Agius Muscat, ġie spjegat kif b’effett immedjat,
kull passiġġier, minn kull nazzjonalità, li ġej minn kwalunkwe pajjiż kemm
bl-ajru u kemm bil-baħar lejn Malta u Għawdex, huwa mitlub li jsegwi 14-il ġurnata
ta’ kwarantina obbligatorja suġġetti għal-liġi ta’ Malta bil-multi ta’ €1,000
imposti lejn dawk li ma jsegwux.
Fost il-linji gwida hemm ukoll noti li jispjegaw kif
turist għandu jesegwixxi kwarantina u jara li mal-wasla tiegħu jiżguraw li ma
joħroġx mill-kamra taħt l-ebda ċirkostanza. Turist m’għandux iħalli l-kamra
wisq aktar jekk jiżviluppawlu sintomi ta’ deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs u
huwa avżat li jċempel fuq il-helpline tas-Saħħa Pubblika u ma jmurx la għand
tabib u lanqas għand spiżerija. F’każijiet hekk l-ikel se jkun ipprovdut
fil-kamra u jitħalla fuq l-għatba tal-bieb.
Nota oħra importanti hija dwar meta turist jiġi biex
jirritorna lura pajjiżu. Jekk ma jiżviluppawx sintomi tul il-btala, u t-titjira
tat-tluq taqa’ fil-perjodu ta’ kwarantina mandatorja, turist għandu jingħata
l-permess biex jivjaġġa lura pajjiżu.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli stqarret li tifhem
kemm dan huwa żmien ta’ sfida iżda temmen li l-industrija tat-turiżmu minn
dejjem kienet reżiljenti, u kunfidenti li bħala Maltin se nqumu
għall-okkażjoni.
Il-ministru żiedet tgħid li qed isir ħafna xogħol minn
wara l-kwinti fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin u saħqet li barra
s-saħħa tan-nies, dejjem żammet quddiem għajnejha l-impjiegi u l-impatt fuq
il-familji u nsistiet li diġà ttieħdu numru ta’ deċiżjonijiet wara laqgħat ma’
numru ta’ stakeholders u minn ħin għall-ieħor flimkien mal-Prim Ministru se
jkunu qed jiġu kkomunikati aktar miżuri li jeħtieġu l-kollaborazzjoni ta’
kulħadd.
Il-Ministru Farrugia Portelli appellat għall-kuraġġ u
talbet għall-għaqda biex flimkien nikkombattu dan l-episodju ikrah li laqat
lid-dinja kollha.