Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200509

PR200509

17/03/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-istudenti tal-ITS se jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom onlajn

Fid-dawl tad-direttivi maħruġa mill-Gvern Malti dwar il-Covid-19, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), bħal kwalunkwe istituzzjoni edukattiva ogħla, bħalissa jinsab magħluq. Madanakollu, dan mhux se jkollu effett fuq l-istudenti tal-ITS.

 

Is-Sur Pierre Fenech, Kap Eżekuttiv tal-ITS, qal li grazzi għat-tim dedikat ta' akkademiċi fi ħdan l-istitut, l-ITS ilu jħejji u juża faċilitajiet u sistemi ta' tagħlim onlajn għal dawn l-aħħar sentejn. Fis-sitwazzjoni preżenti ta' għeluq ta' skejjel, l-ITS qed jagħmel użu mill-għodda diġitali tiegħu biex għalissa jkompli esklussivament bil-programm ta' tagħlim b'mod onlajn.

 

B'dan il-mod, l-istudenti kollha tal-ITS jistgħu jkomplu għaddejjin bl-istudji tagħhom mill-kumdità ta' djarhom. Fil-fatt, il-lecturers tal-ITS se jkunu jistgħu jħaddmu metodi differenti ta' tagħlim onlajn.

 

Din il-faċilità ta' tagħlim daħlet fis-seħħ mit-Tnejn, 16 ta' Marzu, bis-Sur Fenech jgħid li s-sistema ntlaqgħet b'mod pożittiv kemm mil-lecturers kif ukoll mill-istudenti stess.

 

L-ITS għamel ukoll arranġamenti għall-istudenti li qed isegwu l-kors ta' baċellerat fl-Istitut Paul Bocuse fi Franza u li waslu lura Malta l-ġimgħa li għaddiet, sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom lokalment. L-istudenti li qed jistudjaw fl-Università tax-Xjenza Applikata f'Haaga-Helia fil-Fillandja se jkunu qed ikomplu l-istudji tagħhom onlajn permezz ta' pjattaforma maħluqa apposta għalihom.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dan hu mument kruċjali biex ninvestu aktar minn qatt qabel fir-riżorsi u fil-ħaddiema, biex meta tgħaddi din il-fażi, ikollna servizz tal-ogħla livell fl-industrija tat-turiżmu.

 

Dan qed isir fi ftehim mal-MUT u mal-akkademiċi tal-ITS, fl-aqwa interess tal-istudenti li jattendu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.​