PR200549

24/03/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Ippreżentat pakkett aġġornat ta’ għajnuna maqbul mal-imsieħba soċjali

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

 

Ippreżentat pakkett aġġornat ta' għajnuna maqbul mal-imsieħba soċjali

 

“Niżguraw li n-negozji tagħna jibqgħu b'saħħithom u nnaqqsu l-possibiltà li ħadd ma jispiċċa mingħajr impjieg" – il-Prim Ministru Robert Abela

 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-lukanda Excelsior, il-Prim Ministru Robert Abela ippreżenta pakkett aġġornat ta' miżuri maqbul mal-imsieħba soċjali fl-MCESD, dan il-pakkett huwa maħsub li jkompli jibni fuq ta' qabel.

 

Dr Abela saħaq li permezz ta' dan il-pakkett ta' mizuri se nkunu qed  “niżguraw li n-negozji tagħna jibqgħu b'saħħithom u nnaqqsu l-possibiltà li ħadd ma jispiċċa mingħajr impjieg".

 

Il-Prim Ministru spjega kif dan il-Gvern bħalma qed iħabbar miżuri neċessarji u aġġornati fil-qasam mediku, hekk ukoll qed isir fil-qasam ekonomiku u industrijali ta' pajjiżna sabiex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi.

 

Dr Abela saħaq l-importanza tal-konsultazzjoni kontinwa mal-imsieħba soċjali li qed twassal għad-deċiżjonijiet. “Kemm jien kburi li f'dan iż-żmien ta' diffikultà, illum il-Gvern flimkien mal-imsieħba soċjali ilħaqna patt soċjali storiku."

 

F'dan il-perjodu bla preċedent u f'ċirkostanzi straordinarji, il-Prim Ministru sostna li frott id-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern fl-aħħar seba' snin, l-ekonomija ta' pajjiżna hija b'saħħitha u soda, u issa rridu nkunu bilgħaqal biex ngħinu lill-familji u n-negozji.

 

Wara li diġà ġie mħabbar li l-Gvern se jkun qed jgħin billi jipposponi l-ħlasijiet tat-taxxa tad-dħul (income tax), tal-bolla u tal-VAT tax-xhur ta' Marzu u April għal data oħra li għad trid tiġi stabbilità u li din waħedha tfisser €700 miljun, issa l-Gvern se jara jekk ikunx meħtieġ posponiment ta' xhur oħrajn biex ikompli jgħin lill-industrija.

 

Il-Prim Ministru fisser kif il-miżuri mħabbra se jkunu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u mill-Malta Enterprise.

 

Il-miżuri mis-Sigurtà Soċjali se jassiguraw li:

 

•            Il-Gvern ser jgħin lil dawk il-ġenituri li jaħdmu t-tnejn fis-settur privat, u li wieħed minnhom ikollu jibqa' d-dar biex jieħu ħsieb it-tfal, billi jagħti għotja ta' €800 fix-xahar. Din il-miżura hija stmata li se tolqot 12,000 familja u se tiswa €19-il miljun fuq xahrejn.

 

•            Il-Gvern ser jgħin lil dawk il-persuni b'diżabiltà li jaħdmu fil-privat u reġistrati ma' Jobsplus, u li jagħżlu li jibqgħu d-dar għaliex huma iktar vulnerabbli għall-Covid-19 minħabba l-kundizzjoni tagħhom, se jkunu qed jibbenfikaw minn €800 fix-xahar. Din il-miżura se tiswa €2 miljuni fuq xahrejn.

 

•            Dawk il-persuni li ġew, jew se jiġu, issensjati b'effett mid-9 ta' Marzu 2020 'il quddiem konsegwenza tal-pandemija Covid-19, se jkunu qed jirċievu €800 fix-xahar (il-benefiċċju tal-qgħad + benefiċċju speċjali b'rabta mal-Covid-19).

 

Dawn il-miżuri japplikaw għall-impjegati u anke għas-self-employed. Se jkun hemm applikazzjoni separata għal kull miżura u l-individwi għandhom japplikaw online mill-websajt tad-Dipartiment Soċjali jew servizz.gov. Aktar informazzjoni tinkiseb fuq in-numru 153.

 

Il-miżuri tal-Malta Enterprise se jassiguraw li:

 

Il-Gvern se jkun qed jagħti €800 fix-xahar lil kull ħaddiem li jaħdem fis-setturi li ġew l-iktar milquta b'mod drastiku mill-impatt tal-pandemija, fosthom is-settur turistiku u dawk l-industriji li kellhom jagħlqu temporanjament kawża tad-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern biex iħares is-saħħa tal-poplu. Għal dawn l-industriji l-iktar milquta, il-Gvern kien se jħallas ta' jumejn xogħol ibbażat fuq €800 fix-xahar. Bil-pakkett aġġornat, issa l-Gvern se jkun qed iħallas sa 5 t'ijiem xogħol u b'hekk se jagħti €800 fix-xahar. Din il-mizra se tolqot 60,000 impjegat u se tiswa €44 miljun fix-xahar.

 

Għas-setturi l-oħrajn, bħal dawk tal-wholesale, manifattura u warehousing, il-Gvern se jagħtihom ġurnata ħlas ibbażat fuq €800 fix-xahar, bil-possibilità li din titla' għal jumejn. Din il-miżura se tolqot 50,000 ħaddiem u se tiswa €17–il miljun fix-xahar.

 

L-applikazzjonijiet għas-setturi li huma eleġġibli jistgħu jinkisbu minn fuq   https://covid19.maltaenterprise.com/

 

L-għajnuna għal dawk li jaħdmu fuq bażi full-time se tkun ta' €800 u dawk fuq bażi part-time ta'  €500. Kulħadd irid japplika hu, onlajn.

 

In-nefqa tal-Gvern għall-mizuri diretti kollha se tkun ta' madwar €65-70 miljun kull xahar.

 

Dan mhuwiex l-aħħar pakkett li se jkun qed iħabbar il-Gvern. Il-Prim Ministru qal li jista' jkun jerġa' jasal iż-żmien li jitħabbru miżuri oħra malli tinħass il-ħtiega bil-għan li jkunu ssalvagwardjati l-ħaddiema u l-familji, kif ukoll in-negozji ta' pajjiżna.

 

Dr Abela żgura li n-negozji se jibqgħu b'saħħithom u, “mal-mument li noħorġu minn din is-sitwazzjoni mhux normali, inkunu up and running biex nerġgħu naħarbu bis-saħħa fit-tkabbir ekonomiku u hemmhekk se naslu. Dik hija l-mira u bħala Gvern se nixħtu s-saħħa kollha tagħna biex naslu hemmhekk."

 

Il-Prim Ministru temm jgħid li dan hu gvern li joħloq ambjent katalista għax-xogħol.

 

“Se nieħdu ħsieb l-ekonomija. Dan hu gvern pro-market, jemmen fin-negozji, fil-ħiliet u fil-bżulija tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan hu l-mument tal-aħna akbar mill-jiena... konvint li se nkunu qed noħorġu minn dan il-mument fil-qrib u aktar b'saħħtu."

​