Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200834

PR200834

06/05/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

​“servizz.gov huwa eżempju ta’ struttura li ffunzjonat tajjeb, anke jekk taħt pressjoni” – Mario Cutajar

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li l-prova li strutturi jkunu qed jaħdmu tajjeb tasal meta dawn jiffunzjonaw taħt pressjoni. Huwa ta eżempju tipiku b’servizz.gov, li rrisponda tajjeb f’dawn iċ-ċirkostanzi li jinsab fihom il-pajjiż bħalissa. servizz.gov huwa xhieda ta’ kif is-settur pubbliku ħadem waqt l-imxija tal-Covid-19 u saħħaħ il-mod kif jingħataw is-servizzi u kif dawn jitwasslu għand il-klijenti.     
 
Is-Sur Cutajar ta rendikont tar-riżultati miksuba minn servizz.gov waqt il-pandemija, fejn f’xahar wieħed biss fuq il-freephone 153 twieġbu 93,000 telefonata li żewġ terzi minnhom ma kinux jirrigwardaw il-Covid. Dan minkejja li servizz.gov naqqas l-aġenti tiegħu minn fuq il-153 biex ikun jista’ jgħin fit-teħid tat-telefonati tal-111. servizz.gov ra wkoll żieda ta’ 32% fl-aċċess tas-sit elettroniku tiegħu, fejn mal-125,000 ruħ aċċessaw is-servizzi tal-gvern minn dan is-sit li jipprovdi ’l fuq minn elf servizz governattiv.
 
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni fakkar kif servizz.gov twaqqaf ħames snin ilu u huwa l-font ewlieni minn fejn joħorgu s-servizzi tal-gvern. Din l-aġenzija dawret il-mod kif jingħata s-servizz u ssieħbet strateġikament ma’ entità b’esperjenza fil-provvista ta’ servizzi biex inbidel il-kunċett sħiħ ta’ kif jingħata s-servizz lill-pubbliku. Is-Sur Cutajar qal li minn servizz fejn trid tiġri minn dipartiment għal ieħor u minn skrivanija għal oħra, issa nistgħu niftaħru b’servizz li jitwassal għand il-klijenti fejn dan jista’ jsir.
 
Is-Sur Cutajar reġa’ aċċenna għas-Servizz Pubbliku, li llum qed jagħmel id-differenza kollha fis-soċjetà tagħna: mill-qasam tas-saħħa sal-indafa pubblika, mill-forzi tal-ordni sal-protezzjoni ċivili, mill-amministrazzjoni u twassil ta’ għajnuniet għal dawk milquta mill-Covid-19, sas-servizzi ta’ benefiċċji statutorji li baqgħu jingħataw b’mod konsistenti minkejja ċ-ċirkostanzi preżenti. Mill-provvista ta’ servizzi bħad-dawl u l-ilma sa mrewħa sħiħa ta’ servizzi oħra li baqgħu jingħataw lil kull min jitlobhom.
 
Dan kollu seta’ jseħħ għax sar investiment qawwi bla preċedent fis-snin li għaddew biex ittejbet l-infrastruttura tat-teknoloġija u tqiegħdet viżjoni b’miri ċari li wasslu biex ikollna servizzi pubblici aċċessibbli 24 siegħa kuljum is-sena kollha. Is-Sur Cutajar enfasizza li dak kollu li investa fih il-pajjiż fejn jidħol is-settur pubbliku ssarraf fiċ-ċirkostanzi tal-Covid-19. L-opportunità għas-Servizz Pubbliku hi li ma nħallux jintilef dak li nkiseb f’dawn ix-xhur, fiċ-ċirkostanzi preżenti, temm jgħid is-Sur Cutajar.
 
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Sur Winston Pirotta, Chief Executive Officer ta’ servizz.gov, li ta dettalji dwar l-operat tal-Freephone 153. Is-Sur Pirotta qal li bħala medja, servizz.gov ikollu 86 aġent iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku. 
 
Dwar il-Covid-19, l-iktar mistoqsijiet komuni kienu dwar il-benefiċċju tal-ġenituri, fejn servizz.gov irċieva 5,042 telefonata. Isegwu mistoqsijiet dwar il-benefiċċji addizzjonali tad-diżimpjieg u dawk dwar benefiċċji mediċi. Bħala mistoqsijiet mhux relatati mal-Covid-19, f’xahar kien hemm 19,528 telefonata dwar sigurtà soċjali, u 14,362 telefonata dwar taxxa, fost oħrajn.
 
Huwa qal ukoll li l-paġna ta’ servizz.gov fuq Facebook ġiet attrezzata b’chatbot bl-Ingliż li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jiġu mwieġba mistoqsijiet relatati mal-Covid-19.