Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200866

PR200866

08/05/2020

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Investiment ta' €5 miljun: imnedija skema ta' taħriġ għall-industrija tat-turiżmu


Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur ħabbar investiment ta' €5 miljun fi skema ta' taħriġ online għall-industrija tat-turiżmu. Malta se tkun l-ewwel pajjiż li jinvesti fir-riżorsa umana b'dan il-mod qawwi biex is-settur jidħol għall-fażi li jmiss ta' wara l-Covid b'mod b'saħħtu.

 

Dan l-investiment, b'kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, se joffri pjattaforma ta' taħriġ tal-ogħla livell lil eluf ta' ħaddiema fis-settur turistiku.

 

F'sejħa ta' interess pubblika, applikaw aktar minn 36 kumpaniji, tnejn minnhom pubbliċi Maltin: l-ITS u l-Università ta' Malta. Magħhom kien hemm oħrajn ta' fama internazzjonali fosthom Forbes, il-UNESCO u universitajiet u ċentri ta' taħriġ internazzjonali.

 

B'kollox hemm 300 kors akkreditat u madwar 750 korsijiet qosra addizzjonali.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-ministeru baqa' għaddej b'ħidma intensiva fuq strateġija biex ikunu mħarsa l-eluf ta' impjiegi fis-settur tat-turiżmu.

 

Fil-fatt, 90% ta' dawk li jaħdmu fis-settur tal-akkomodazzjoni u tal-ikel qed jieħdu l-għajnuna tal-Covid Wage Supplement.

 

Kwart tal-ammont totali ta' ħaddiema li qed jirċievu l-Covid Wage Supplement jaħdmu fit-turiżmu.

 

Qalet li ż-żmien ta' wara l-Covid mhux se jkun l-istess u għalhekk qed naħdmu fuq binarji differenti biex il-ħaddiema tagħna jkunu mħejjija għal dak li jmiss, u għalhekk dan l-investiment ta' €5 miljun li se jkun qed joffri taħriġ lil iktar minn 25,000 individwu. Il-Ministru Farrugia Portelli kkonkludiet li Malta hi fost l-aqwa pajjiżi li indirizzat l-isfida tal-Covid – dan l-investiment flimkien ma' proġetti oħrajn li hemm pjanati se jpoġġuna fuq pjattaforma aħjar minn pajjiżi oħrajn.

 

Johann Buttigieg, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, qal li l-korsijiet ta' taħriġ jilqgħu varjetà ta' abbiltajiet u ta' livelli, li jkopru diversi temi fosthom ħiliet ta' tmexxija, ħiliet personali, customer care, ħiliet lingwistiċi u ħiliet oħrajn relatati mal-industrija. Il-korsijiet qed jiġu pprovduti minn kumpaniji ta' kwalità u minn esperti lokali fl-oqsma tagħhom. L-għarfien hu xi ħaġa li persuna ġġorr magħha kull fejn tmur. Għaldaqstant, l-industrija se tgawdi professjonisti aħjar fl-aspetti kollha tat-turiżmu li mbagħad jipprovdu esperjenza aħjar kemm lit-turisti kif ukoll lil-lokal.

 

Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, is-Sur Ronald Mizzi. ​