Fi żjara fuq il-post, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur responsabbli minn Parks Malta wriet is-sodisfazzjon tagħha għall-ħidma li qed issir u fissret kif fi ftit ġimgħat oħra dan il-proġett b'investiment ta' €600,000 se jkun jista' jinfetaħ għall-pubbliku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli spjegat li dan il-park, mifrux fuq medda ta' 40 tomna, se jkun wieħed mill-akbar parks fin-naħa t'isfel ta' Malta.
Sa ftit ilu dan il-park f'Ħaż-Żabbar kien fi stat ta' telqa u kienet żona li kienet regolarment tattira attività illegali ta' rimi ta' skart.
Akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi, il-Ministru spjegat li Parks Malta se tkun l-entità responsabbli minn widien u parks fil-pajjiż.
Fissret li f'dan il-park partikolari Parks Malta diġà ħawlet 800 siġra u arbuxell, u sa ftit tal-ġimgħat oħra l-ammont se jitla' għal 1,300 siġra.
“Il-parks huma parti mill-prodott turistiku li rridu naraw li jinżammu fuq l-ogħla livelli. U dan se jkun l-ewwel proġett li se nagħtu lill-pubbliku wara l-Covid," sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-park jinkludi fih 18-il mejda tal-picnic kollha maħduma mill-ħaddiema tad-Dipartiment, bandli għat-tfal, amfiteatru biex jintuża minn tfal tal-iskola, kamra tas-sigurtà kif ukoll kafetterija.
Il-passaġġi kollha f'dan il-park inħadmu b'mod li jkun jista' jintuża minn persuni b'diżabbiltà, inkluż bandla għal tal-apposta.
Id-Direttur Ġenerali ta' Parks Malta Herman Galea spjega kif bl-interventi minimi li saru ġie mħares l-ambjent ezistenti sabiex jinħolqu żoni miftuħa iktar naturali. Huwa qal li dan il-proġett se joffri wkoll faċilitajiet għat-tfal fejn ikunu jistgħu jilagħbu.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Operat fi ħan Parks Malta s-Sur Francis Farrugia sostna li qed isiru l-aħħar xogħlijiet fil-parti ċentrali tal-Park li ġiet żviluppata f'forma tradizzjonali ta' Parks oħra fil-pajjiż fejn fost l-oħrajn tqiegħdu servizzi ta' dawl, ilma, ilma għat-tisqija u preparamenti ta' CCTV taħt l-art.
Id-Direttur tat-Tisbiħ fi ħdan Parks Malta s-Sur Ivan Farrugia fisser kif sar pjan ta' tħawwil bl-introduzzjoni ta' siġar indiġeni. Dawn barra li jsebbħu l-post, joffru ikel għan-naħal. Huwa qal kif il-ħaddiema tad-Dipartiment se jibqgħu jieħdu ħsieb il-manuntenzjoni tas-sit.
Preżenti wkoll għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Sindku ta' Ħaż Żabbar is-Sur Jorge Grech u l-Viċi Sindku ta' Ħaż-Żabbar is-Sinjorina Bernice Farrugia.