Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200900

PR200900

12/05/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Malta tirreġistra l-ogħla rata ta’ żieda ta’ infermiera fl-Unjoni Ewropea

​​​​

Fil-jum internazzjonali ddedikat għall-infermiera, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, ħabbar li Malta kklassifikat bħala l-iktar pajjiż fl-Ewropa li żied in-numru ta' infermiera fl-aħħar snin.

 

Fil-fatt, skont il-Eurostat, pajjiżna rreġistra l-akbar żieda fl-Ewropa kollha fl-għadd ta' infermiera bejn l-2011 u l-2019.

 

Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f'konferenza tal-aħbarijiet mal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), fejn spjega li sal-lum pajjiżna għandu 3,500 infermier fis-settur publiku u li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jiggradwaw 162 oħra. Dan b'kuntrast mal-2,900 infermier li kellu pajjiżna lura fl-2013.

 

Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-fatt li pajjiżna għandu fost l-iżgħar workforce tas-saħħa fid-dinja - li jfisser li iktar żgħażagħ qed jagħżlu din il-professjoni.

 

“Malta qed turi riżultati tajbin tul din il-pandemija għax tul is-snin investejna fil-qasam tas-saħħa - fost l-oħrajn investejna fl-infermiera u bi ħsiebna nkomplu nagħmlu dan", qal id-Deputat Prim Ministru, filwaqt li rringrazzja lill-infermiera tax-xogħol impekkabbli u dedikat li qed jagħmlu f'dawn iż-żminijiet sensittivi.

 

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Union tal-Qwiebel u l-Infermiera, l-MUMN, Paul Pace, ingħaqad mad-Deputat Prim Ministru u rringrazzja lill-infermiera li kienu flessibbli tul il-pandemija u għas-sagrifiċċji personali li għamlu biex ikunu ta' servizz għall-komunità.

 

Appella lill-pubbliku biex isegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u jżomm lilu nnifsu protett għax fl-istess ħin ikun qed iżomm lill-infermiera protetti wkoll.