Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200907

PR200907

13/05/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Ippubblikati l-proposti tal-Gvern għal riformi fil-Ġudikatura u riformi istituzzjonali oħra

Pass storiku fid-demokrazija ta' pajjiżna

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis qed jippubblika ittra aġġornata li ntbagħtet lill-European Commission for Democracy through Law tal-Kunsill tal-Ewropa, magħruf bħala l-Kummissjoni Venezja (KV). Din l-ittra fiha l-kunċetti leġislattivi dwar riformi estensivi, storiċi u bla preċedent li pjanat li jwettaq dan il-Gvern, b'mod partikolari fil-qasam tal-Ġudikatura. Din l-ittra hija riżultat ukoll ta' taħdidiet li diġà twettqu mal-istess Kummissjoni fil-ġimgħat li għaddew.

 

Fi ftit xhur, u ankè mxekkel bil-kbir mill-pandemija tal-COVID-19, il-Gvern Malti mexxa 'l quddiem dawn il-proposti leġislattivi għal Riformi fl-isfond tal-Opinjoni mogħtija mill-KV f'Diċembru, 2018. Dan għaliex, b'konvinzjoni, il-Gvern irid li jissaħħu l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna, bl-għan aħħari li jssaħħaħ ir-reputazzjoni ta' Malta, fl-Ewropa u mal-komunità internazzjonali.

 

Il-Gvern Malti għamel ċert ukoll li filwaqt li jressaq proposti li jersqu ħafna lejn l-Opinjoni tal-KV, ra li ma jabbandunax it-tradizzjonijiet legali tan-nazzjon tagħna, iżda li jissaħħu s-sistemi eżistenti, billi din tkun evoluzzjoni fid-demokrazija ta' pajjizna, fost oħrajn, billi jiżdiedu u jissaħħu l-iskrutinji fis-sistema istituzzjonali Maltija.

 

Skont il-proposti hekk kif ippublikati ma' din l-istqarrija, dan huwa pakkett ta' riformi storiku għal pajjiżna, speċjalment fejn jidħol il-pilastru Ġudizzjarju tad-demokrazija ta' pajjiżna. Dan hu pass storiku li qed twettaq l-Amministrazzjoni Robert Abela, lejn saltna tad-dritt aktar soda, u buon-governanza fl-Amministrazzjoni kollha tal-organi tal-Istat. Dan huwa Gvern li ma iddejjaqx jinża mid-diskrezzjoni tiegħu, u li ilha għandu għal ghexieren ta' snin, favur sistemi aktar b'saħħtihom li joffru serħan il-moħħ lil kull ċittadin u favur sistemi li jsaħħu l-pożizzjoni tagħna bħala demokrazija li taħdem u moderna fid-dinja.

 

Il-Ministru Edward Zammit Lewis jirringrazzja lill-Kunsill tal-Ewropa u b'mod partikolari lill-KV għall-prontezza tagħha, għall-fiduċja li tat lilu u lill-Gvern li hu jirrappreżenta f'dan il-proċess u għall-mod strutturat li saru l-affarijiet. Hu tenna li dan il-proċess se jitkompla bla waqfien fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.    

 

Għalhekk il-Gvern, filwaqt li huwa kunfidenti li huwa ressaq riformi tajba u mingħajr ebda preċedent, se jkun qiegħed jisma' x'għandhom xi jgħidu l-partijiet interessati kollha, inkluż is-soċjetà ċivili. Dan hu Gvern li jemmen fil-konsultazzjoni.

 

Il-Gvern jitlob għall-buon sens, b'kooperazzjoni sinċiera u kostruttiva ta' kulħadd sabiex ilkoll nimxu 'l quddiem. Din mhix riforma tal-Eżekuttiv tal-Gvern, imma hi riforma ta' kulħadd, riforma ta' nazzjon wieħed.  

 

Wara dan il-proċess ta' konsultazzjoni se jkun hemm l-Opinjoni finali tal-KV u l-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet finali tiegħu. Dan għaliex dan hu Gvern li jisma', però huwa Gvern ukoll li jiddeċiedi fl-aħjar interess tal-pajjiż.  

 

Il-Gvern hu determinat li jkun hemm aktar riformi, inkluż dawk importanti mmexxija mill-President ta' Malta Dr George Vella fl-eventwali Konvenzzjoni Kostituzzjonali li huwa se jwaqqaf.

 

L-għan prinċipali u aħħari tal-Gvern jibqa' dejjem li jimxi 'l quddiem b'dawn ir-riformi storiċi mingħajr dewmien u fil-binarji ta' żmien miftiehem mal-istess Kummissjoni, għaliex jemmen b'konvinzzjoni fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż u fit-tisħiħ tar-reputazzjoni ta' Malta.

 

PR200907a.pdf