gov.mt

pr200925

PR200925

15/05/2020

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Sa nhar it-Tnejn li ġej mistennija protokolli ċari għall-industrija tat-turiżmu



F’webinar dwar it-triq ‘il quddiem għas-settur tat-turiżmu li ġie organizzat iktar kmieni llum bejn il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni Maltija tar-Ristoranti u l-Lukandi, u li għalih attendew madwar 1,500 parteċipant mis-settur, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret li, sa nhar it-Tnejn li ġej, il-Prim Ministru Robert Abela se jħabbar dawk is-setturi fl-ekonomija li se jkunu qed jiftħu, fosthom dawk b’rabta ma’ turiżmu intern. Fissret li eżatt wara li jitħabbru s-setturi u minn meta jistgħu jiftħu, il-Ministeru għat-Turiżmu se jkun qiegħed jippubblika protokolli ċari li bihom se jkunu qed joperaw setturi bħal ristoranti u bajjiet, fost l-oħrajn.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet ukoll li ġie skattat mekkaniżmu bilaterali ma’ disa’ pajjiżi oħra biex jibdew taħditiet dwar il-kunċett ta’ safe corridors ma’ pajjiżi li bħal Malta indirizzaw il-Covid b’mod tajjeb.

F’dan l-istadju, Malta qed titkellem ma’ pajjiżi bħal-Lussemburgu, in-Norveġja, is-Serbja, l-Islovakkja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja u l-Iżrael.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat illi dan is-sajf se jkun hemm turiżmu anki jekk differenti minn dawk ta’ qabel. Fissret li l-istrateġija tal-gvern Malti din il-ġimgħa ngħatat ċertifikat b’saħħtu mill-Għaqda Dinjija għat-Turiżmu fi ħdan il-Ġnus Magħquda. Dan hekk kif kien imfaħħar il-mod inkredibbli kif il-gvern Malti mexa fit-turiżmu f’din il-kriżi eċċezzjonali Fost oħrajn, dan twettaq bil-miżuri t’għajnuna li offra l-gvern biex jindirizza l-impatt soċjo-ekonomiku. 

Madwar 99,000 impjieg diġà ġew salvati, u mal-20,000 ruħ fit-turiżmu jieħdu l-għajnuna supplimentari tal-Covid. Ċertifikat ieħor li l-istrateġija tal-gvern Malti hi waħda b’saħħitha kien dak mogħti mill-Kummissjoni Ewropea, li din il-ġimgħa saħqet li l-pajjiżi għandhom jinvestu fil-ħaddiema fit-turiżmu. 

Il-Ministru Farrugia Portelli fakkret li Malta kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li nieda skema ta’ taħriġ bla ħlas lill-ħaddiema fit-turiżmu b’investiment ta’ €5 miljun.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg laqa’ b’sodisfazzjon is-suċċess ta’ dan il-webinar, kif kienu wkoll ta’ suċċess il-korsijiet ta’ taħriġ li ġew imnedija bħal-lum ġimgħa, u li l-fond ta’ €5 miljuni ffukati għal dan it-taħriġ ittieħdu f’inqas minn erbat ijiem. Huwa qal li jinsab sodisfatt li qed jara s-settur tat-turiżmu jirrispondi b’mod pożittiv għal dak li qed jiġi mħejji għalih. 
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li jinsab sodisfatt meta jara li jidher li nistgħu ngħidu li se jkun hemm is-sajf din is-sena fejn tidħol l-industrija. Huwa qal li jinsab konvint illi jekk naħdmu kollha flimkien is-sitwazzjoni tista’ tmur għall-aħjar u nistgħu nimxu ‘l quddiem. 

Il-webinar kien indirizzat ukoll miċ-chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia u d-Deputat Kap Eżekuttiv u Kap tat-Taqsima tal-Marketing tal-MTA Carlo Micallef.