Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200950

PR200950

19/05/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-ikbar branding ta’ Malta hu li Malta hi destinazzjoni sikura

F'konferenza tal-aħbarijiet li saret iktar kmieni llum flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli laqgħet b'sodisfazzjon dak li ħabbar ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif minn nhar il-Ġimgħa li ġej, 22 ta' Mejju 2020, se jiftħu numru ta' stabbilimenti fis-settur turistiku. Dawn jinkludu ristoranti, pools u postijiet pubbliċi oħrajn, li jridu jsegwu protokolli ċari li ġew imfassla b'rispett assolut lejn is-saħħa tal-konsumatur.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li l-ikbar branding ta' Malta hu li Malta hi destinazzjoni sikura. Sostniet kif l-ewwel magna li se tkun qed terġa' tiftaħ hija dik tat-turiżmu intern, fejn il-familji tagħna se jkunu jistgħu jmorru jieklu f'postijiet aktar sikuri minn qatt qabel. Anke l-bajjiet tagħna se jkollhom protokolli ċari ta' distanza ta' żewġ metri minn familja għall-oħra, u bi gwida ċara ta' tindif fuq il-bajja, deckchairs, u dustbins, fost l-oħrajn.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif mil-lum, l-MTA fetħet il-linja tagħha – 21692447 – sabiex dawk li huma konformi jistgħu jitolbu minn issa li jkollhom il-post tagħhom iċċertifikat bħala sikur u tal-ogħla standards.

 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli rringrazzjat lill-awtoritajiet tas-saħħa, lid-Deputat Prim Ministru u lill-Prof Charmaine Gauci li, flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu u l-MTA ħadmu id f'id, ġimgħa wara ġimgħa, biex wasalna għal dan il-pass.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA s-Sur Johann Buttigieg ta preżentazzjoni dettaljata dwar il-protokolli settur settur. Spjega kif dawk l-istabbilimenti tal-ikel li għandhom kemm ġewwa u anke barra se jkunu jistgħu jagħmlu użu biss mill-parti ta' barra,  u d-distanza bejn mejda u oħra trid tkun dik ta' żewġ metri. Għal dawk l-istabbilimenti tal-ikel li għandhom ġewwa biss, jistgħu jarmaw ġewwa biss, però l-imwejjed iridu jkunu spazjati b'distanza ta' tliet metri. Spjega kif it-tipjip se jkun permess biss billi tinżamm distanza tal-inqas għaxar metri mill-imwejjed fejn wieħed qed jiekol.

 

Huwa qal kif ir-ristoranti li jimxu mal-protokolli se jkollhom sticker mal-bieb li turi li huma sikuri. Spjega li b'ħidma konġunta bejn l-MTA u l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika se jkunu qed isiru spezzjonijiet biex jiżguraw li l-protokolli jkunu qed jiġu mħarsa.

 

Il-protokolli kollha jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit tal-MTA; www.mta.com.mt.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-MTA Dr Gavin Gulia u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru s-Sur Ronald Mizzi.

​