Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200957

PR200957

20/05/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI

​​​


Malta tilqa’ l-progress li sar sa issa fir-rigward tal-erba’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni Ewropea marbuta mal-COVID-19

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna, flimkien mal-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea, ipparteċipa f’vidjokonferenza, fid-19 ta’ Mejju 2020, sabiex tiġi diskussa l-komunikazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu (AML/CFT), li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet u t-twaqqif tal-Fond ta’ Rkupru.

“Malta hija favur li jkun hemm iktar ċarezza u armonizzazzjoni fuq l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-AML/CFT fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, permezz ta’ ħolqien ta’ awtorità jew aġenzija, li tista’ tkun parti mill-mekkaniżmu biex jinħoloq iktar koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet responsabbli mis-sorveljanza u s-superviżjoni tal-AML/CFT fl-istati membri”, qal il-Ministru Scicluna. 

Aġenzija bħal din għandha tara li jkun hemm l-involviment u t-tisħiħ ta’ dawn l-istituzzjonijiet nazzjonali, peress li dawn ikollhom interazzjoni regolari ma’ entitajiet obbligatorji u li jkollhom setgħat ta’ infurzar u sanzjonijiet fuqhom. Biex jinkiseb dan, hemm bżonn ta’ analiżi li tevalwa x’inhuma dawk l-ostakoli li jtellfu milli jkun hemm bdil ta’ informazzjoni u li jkun hemm azzjoni konġunta, u jekk hemm bżonn tidħol il-leġiżlazzjoni neċessarja ħalli l-infurzar ikun aktar effettiv. 

Malta taqbel ukoll mal-Kummissjoni li jkun hemm sinerġiji sinifikanti mal-proċess ta’ FATF (de)lisiting, waqt li żżomm il-flessibilità tal-Unjoni Ewropea li taġixxi b’mod indipendenti f’dawk iċ-ċirkostanzi, li jirrikjedu azzjoni differenti biex tipproteġi lill-istess Unjoni Ewropea. 

Matul il-laqgħa, il-Ministri tal-Finanzi ddiskutew il-progress li sar fuq l-inċentivi li se jidħlu biex itaffu l-effetti tal-kriżi COVID-19 fuq livell Ewropew, miżuri li jinkludu, fost l-oħrajn, il-Pan-European Guarantee Fund tal-Bank Ewropew għall-Iżvilupp.  

Il-Ministru Scicluna qal, “Malta tilqa’ l-progress miksub sa issa fir-rigward tal-erba’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Aħna nappoġġaw il-Pan-European Guarantee Fund tal-Bank Ewropew għall-Iżvilupp, li jista’ jgħin finanzjament lill-kumpaniji li qed jiltaqgħu ma’ problemi minħabba l-kriżi tal-COVID-19, b’enfasi fuq SMEs, il-programm SURE għall-protezzjoni tal-impjiegi, il-linji ta’ kreditu tal-ESM u l-istrument komuni ta’ rkupru fuq livell ta’ Unjoni Ewropea. 

“Fejn jidħol il-pjan ta’ rkupru, Malta tħoss li għandu jkun trattat b’mod ħolistiku u għalhekk għandu jkun hemm qbil malajr kemm fuq il-Qafas Finanzjarju Multiannwali kif ukoll fuq il-Fond ta’ Rkupru. Malta hi miftuħa għal diskussjonijiet u lesta li tfittex kompromess għall-benefiċċju tal-isfidi formidabbli li se taffaċċja l-Unjoni Ewropea fix-xhur li ġejjin.”