Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200964

PR200964

20/05/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-operaturi fl-industrija tat-turiżmu jilqgħu l-protokolli b’mod pożittiv

​​L-operaturi fl-industrija tat-turiżmu rreaġixxew b’mod pożittiv għall-pubblikazzjoni ta’ protokolli ċari biex ikun hemm il-ftuħ mill-ġdid ta’ diversi stabbilimenti, fosthom ristoranti, minn nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju..​

Mat-tħabbira ta’ dawn il-protokolli nhar it-Tnejn filgħaxija, u matul it-Tlieta, il-linja ta’ assistenza tal-MTA f’Malta u f’Għawdex irċeviet aktar minn 860 telefonata, l-aktar minn membri tas-settur tal-ospitalità.
 
Minn dawn, 157 talbu li l-ispetturi tal-MTA jżuru l-istabbiliment tagħhom biex jagħmlu l-verifiki meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw l-istiker li turi li huma konformi ma’ dawn il-protokolli marbuta mal-COVID-19. L-istiker trid titpoġġa fid-daħla tal-istabbiliment sakemm dan jibqa’ kompletament konformi.
 
Il-bqija tat-telefonati kienu minn sidien ta’ stabbilimenti biex isiru jafu aktar dwar aspetti differenti tal-protokolli u x’għandhom jagħmlu biex isiru konformi fl-iqsar żmien possibbli.
 
L-ispezzjonijiet bdew illum u se jkomplu matul il-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin.
 
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod pożittiv li l-industrija rreaġixxiet għall-protokolli li ġew iddisinjati b’mod ċar biex jiżguraw is-saħħa tal-konsumatur. Il-ministru qalet li qed inħarsu ’l quddiem lejn il-ftuħ mill-ġdid tal-industrija.
 
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu laqgħet b’sodisfazzjon il-professjonalità li l-maġġoranza kbira tal-kummerċ lokali uriet matul il-pandemija u lesta biex tassisti u tagħti parir lill-istabbilimenti tat-turiżmu u l-ospitalità.
 
Għaċ-ċertifikazzjoni jew għal iktar assistenza wieħed jista’ jċempel lill-MTA fuq 21692447 jew permezz tal-email tourismcovid-19helpline@visitmalta.com.