Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200977

PR200977

22/05/2020

​​STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI: Miżuri biex il-qraba jkunu jistgħu jaraw lir-residenti f’dar tal-anzjani



Wara konsultazzjoni mal-partijiet kollha konċernati, se jsiru arranġamenti sabiex il-familjari jkunu jistgħu jaraw lil dawk l-anzjani li jinsabu fil-homes. Madanakollu diversi istruzzjonijiet speċifiċi jridu jiġu segwiti. Dan kollu tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Michael Falzon u mis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.

Il-faċilità għall-kura fit-tul San Vinċenz De Paul

L-amministrazzjoni tal-faċilità għall-kura fit-tul ta’ San Vinċenz De Paul se tintroduċi servizz ta’ viżti b’mod sigur mill-qraba tar-residenti. Dan is-servizz se jiġi introdott fuq arranġamenti speċjali u skont ir-regolamenti tal-Awtorità tas-Saħħa Pubblika. Dawn il-viżti se jibdew mit-Tnejn 24 ta’ Mejju, 2020.

Ir-Residenza ta’ San Vinċenz De Paul hija kumpless kbir u fiha jgħixu 1,100 resident li huma mqassma fi 30 sala. Biex is-servizz tal-viżti seta’ jkun possibbli saru preparazzjonijiet loġistiċi apposta li jkomplu jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna.

Għal dan l-għan ġew stabbiliti ‘visiting points’. Il-qraba se jiġu ggwidati lejn ‘visiting point’ partikolari abbażi tas-sala li fiha r-resident/a li jkunu ġew iżuru jgħix/tgħix. Iż-żjarat se jsiru kif indikat hawn taħt:

Il-viżitaturi għandhom iċemplu fuq in-numru 22912373 sabiex jingħataw appuntament għaż-żjara. 
Dan għandu jsir minn jumejn qabel iż-żjara skont kif ikun skedat.   
Il-massimu ta’ ħin għall-viżta huwa ta’ kwarta.
Iż-żjarat se jkunu qed isiru minn wara l-perspex.
Kull resident/a jista’ jirċievi sa massimu ta’ 4 persuni waqt il-ħin taż-żjara skedata għalih/a, skont il-linji gwida mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. 
Se jkun hemm parkeġġ wieħed allokat għal kull żjara barra d-dħul ewlieni ta’ San Vinċenz de Paul.
Se jkun hemm post adattat fejn l-entratura biex il-viżitaturi jirreġistraw skont l-appuntament skedat. Il-viżitaturi għandom jippreżentaw il-karta tal-identità biex jinħareġ pass biex wara li jsir l-iscreening meħtieġ, jidħlu fir-residenza.
Se jkun provdut shuttle service mill-entratura prinċipali għall-visiting points. 
Il-viżitaturi jridu jilbsu l-maskra u/jew il-visor tagħhom qabel jidħlu mill-entratura prinċipali ta’ San Vinċenz. Waqt iż-żjara dan l-ilbies protettiv m’għandu jitneħħa fl-ebda ħin. Jista’ jitneħħa biss wara li l-viżitatur ikun ħareġ minn San Vinċenz, kif rakkomandat mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Mhux se jkun permess dħul fil-faċilità mingħajr dan l-ilbies protettiv. 
Waqt iż-żjara, il-viżitaturi għandom jimxu mal-linji gwida indikati fejn kull visiting point biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti. 
Wara ż-żjara lill-għeżież tagħhom, il-viżitaturi għandom joħorġu mill-faċilità bla dewmien biex jiġi evitat iffullar ta’ nies f’San Vinċenz de Paul. 

Biex is-sistema tkun ta’ suċċess, il-koperazzjoni mill-viżitaturi hija importanti ħafna. Għalhekk il-viżitaturi għandhom iżommu l-ħin taż-żjara kif jingħata lilhom waqt it-telefonata. Jekk il-viżitaturi jaslu tard għaż-żjara tagħhom dan ifisser tnaqqis mill-ħin taż-żjara tagħhom. L-ebda viżitatur mhu se jkun jista’ jidħol mingħajr appuntament skedat. Kulħadd huwa mitlub li josserva l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom waqt din il-viżta sabiex b’hekk tibqa’ tiġi assigurata s-saħħa tar-residenti f’din ir-residenza.

Id-djar tal-anzjani tal-Gvern, tal-Knisja u dawk privati

L-istess bħall-miżuri li saru għar-residenza ta’ San Vinċenz De Paul, l-għan tal-miżuri għall-viżti fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, tal-Knisja u dawk privati huwa li tiġi evitata t-trażmissjoni lokali u t-tixrid tal-infezzjoni bejn il-viżitaturi u r-residenti li jinsabu f’dawn id-djar. Dawn il-miżuri se jgħinu wkoll sabiex tiġi evitata l-konġestjoni tal-qraba u r-residenti. Bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri hemm proċedura organizzata u sistematika. Iż-żjarat f’dawn id-djar se jsiru kif indikat hawn taħt:

Kull dar tal-anzjani għandha tidentifika żona sabiex isservi bħala visiting area. Din trid tkun sigura u jrid ikun hemm ħġieġ jew perspex li jisseparaw l-anzjani minn mal-qraba.
Iż-żjarat kollha se jiġu skedati permezz ta’ appuntament. Il-viżitaturi għandhom iċemplu d-dar tal-anzjani partikolari sabiex jagħmlu appuntament.
Il-massimu ta’ viżitaturi li jistgħu jidħlu waqt viżta waħda huwa ta’ 4. Kull resident se jingħata ħin ta’ 15-il minuta.
La darba dawk il-15-il minuta jkunu għaddew, ir-resident se jitlaq mill-visiting area sabiex resident ieħor ikun jista’ jiltaqa’ mal-qraba tiegħu. Meta jsir dan, il-miżuri sanitarji neċessarji jridu jiġu segwiti.
Il-ħinijiet taż-żjarat għandhom jiġu skedati mid-djar residenzjali rispettivi u ssir komunikazzjoni mal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali.
Il-viżitaturi kollha jridu jilbsu maskra jew visor tul il-ħin kollu taż-żjara.
Waqt il-ħinijiet taż-żjarat, l-impjegati tad-djar tal-anzjani jridu jżommu l-areas identifikati għaż-żjarat disponibbli.