Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200980

PR200980

22/05/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Jitlesta r-restawr tal-faċċata u l-kampnar tal-Knisja ta’ San Ġużepp f’Santa Venera

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera żar il-Knisja ta’ San Ġużepp f’Santa Venera fejn għadu kif tlesta xogħol ta’ restawr mid-Direttorat tar-Restawr. Dan il-proġett ġie jiswa €59,000 u kien intgħażel permezz tal-iskema ta’ restawr maħruġa lill-kunsilli lokali. 

Il-Ministru Herrera qal li dan huwa proġett ieħor komplut mid-Direttorat tar-Restawr fuq din il-knisja li hija mibnija fuq stil neoklassiku. Sostna li dawn il-proġetti qed jsiru bi ftehim mal-kunsilli lokali u faħħar lill-kunsill lokali li qed jieħdu dawn ix-xorta ta’ inizjattivi.
 
Ġie spjegat li dan il-proġett ta’ restawr kien ikopri l-faċċata u l-kampnar tal-knisja. Peress li l-knisja tinsab fi triq traffikuża, id-dħaħen tal-karozzi u t-tniġġis tal-arja ffurmaw qoxra sewdenija fuq il-gwarniċi u t-timpanu, kif ukoll il-kampnar kellu ħsara b’ġebel nieqes fil-parti ta’ fuq u bil-balavostri mmermrin.
 
Ix-xogħol tal-faċċata sar b’mod manwali fejn intużaw diversi proċessi għat-tindif tal-faċċata. “L-isfida ewlenija kienet dik li nżommu l-patina taż-żmien, iżda fl-istess ħin innaddfu kemm nistgħu l-faċċata b’mezzi li ma jagħmlux ħsara,” stqarret il-Perit Jean Frendo, li kienet inkarigata mix-xogħol. Biex titneħħa l-qoxra sewdenija mill-faċċata, tqiegħdu impakki b’kimika apposta għal diversi drabi sakemm il-ħmieġ inħall u ġie assorbit mill-impakki. Dan il-proċess wassal biex ma ntilef xejn mil-lavur u l-materjal originali.
 
Ġie spjegat ukoll li fil-kampnar inbidlu l-balavostri deterjorati u l-ġebel nieqes jew fi stat ħazin. Fuq nett tneħħa s-salib eżistenti tal-konkrit u nbidel b’salib tal-ġebel b’disinn tal-istess żmien tal-knisja, kif ukoll issewwew żewġ statwi ta’ anġli.
 
Il-Ministru Herrera ħabbar li l-ministeru tiegħu qed jaħdem fuq skema oħra ta’ dan ix-xorta u ser titnieda dalwaqt sabiex ikunu jistgħu jsiru aktar proġetti ta’ restawr ta’ dan it-tip.