Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200985

PR200985

23/05/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Riforma ambjentali fid-Development Planning Fund

Riforma ambjentali fid-Development Planning Fund (DPF) se twassal għall-iżvilupp ta' aktar proġetti ambjentali fil-lokalitajiet tagħna, saħaq il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

Wara proċess ta' konsultazzjoni, il-ministru ħabbar numru ta' bidliet f'dan il-fond bl-għan li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' proġetti ambjentali u ta' fejda mill-kunsilli lokali, għaqdiet non-Governattivi u għaqdiet terzi.

Il-bidliet ewlenin huma: 

  1. Għall-ewwel darba, proġetti ambjentali fuq l-art u fil-baħar f'żoni urbani ser ikunu eliġibbli għal finanzjament ta' 100%, minflok li l-kunsill lokali jrid joħroġ 30% mill-ħlas tal-proġett;
  2. Meta benefiċjarju jagħmel xogħol ta' ħitan vertikali ħodor li jħarsu fuq spazji pubbliċi, l-iskema se tkoprilu wkoll parti mill-ispejjeż tal-manutenzjoni – total ta' 105% tal-ispejjeż;
  3. Ghall-ewwel darba l-kunsilli lokali se jkollhom is-sigurtà tal-allokazzjoni finanzjarja għall-progett tagħhom;
  4. Għall-ewwel darba NGOs u benefiċarji oħrajn li mhumiex kunsilli lokali se jkollhom 20% tal-fondi kollha fl-iskema allokati direttament għalihom;
  5. Il-persentaġġ ta' finanzjament ser ikun qed jiżdied oltre mill-arranġamenti kurrenti f'każi li jkun hemm partnerships;
  6. Il-finanzjament għal proġett immirati għal persuni b'diżabbiltà se jiżdied b'10%;
  7. Kull kunsill lokali ser jiżdiedlu l-limitu massimu minn €5 miljuni għal €7 miljuni sabiex itaffi l-effetti tal-iżvilupp urban f'dawn il-lokalitajiet u jippromwovi l-iżvilupp ta' infrastruttura ambjentali;
  8. L-inizjattiva 'Sebbaħ il-Lokal' ser tiġi estiża minn April 2020 għal Diċembru 2022.

“Dawn il-bidliet huma parti minn reviżjoni olistika lejn il-kunċett ta' ppjanar intelliġenti u viżjoni ambjentali għal-lokalitajiet tagħna", saħaq il-Ministru Farrugia. ​​