Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200986

PR200986

23/05/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Aktar investiment b’risq il-bdiewa permezz ta’ fondi Ewropej

​Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Animali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru lil bidwi fl-inħawi tal-Imqabba li bbenifika minn fondi Ewropej biex kabbar l-operat tiegħu hekk kif installa serer ġodda u investa f'teknoloġija iktar effiċjenti. Matul din iż-żjara tnediet is-Sotto Miżura 4.1 – Appoġġ għall-Investiment f'Ażjendi Agrikoli, skont il-Programm ta' Miżuri għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 finanzjata minn fondi Ewropej favur aktar investiment fil-biedja.

 

Il-Ministru Anton Refalo jinnota b'sodisfazzjon kif id-domanda qawwija li wasslet għall-ftuħ ta' din is-sejħa ulterjuri tal-Miżura 4.1 tkompli tixhed kif is-settur agrikolu bil-fatti qed juri li jemmen fil-viżjoni tal-gvern għal dan is-settur mfassla fil-Politika Agrikola Nazzjonali. Din hija skema importanti għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin għax tgħinhom billi ssaħħaħ l-investiment li jkunu se jagħmlu minn flushom biex jimmodernizzaw u jtejjbu l-operat fl-oqsma u l-irziezet tagħhom.

 

“Lil hinn mill-kejl dwar x'kontribut is-settur tal-agrikultura jagħti lill-ekonomija ta' pajjiżna, il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali se jkompli jwettaq u jimplimenta din il-viżjoni permezz ta' diversi inizjattivi u għajnuniet għax jifhem li l-valur tal-biedja f'pajjiżna huwa wieħed ewlieni għall-ambjent, l-ikel, tradizzjonijiet u l-ġid pubbliku, kif ukoll li hemm potenzjal importanti li qed ikompli jiżviluppa u għad jagħti l-frott tiegħu. Għaldaqstant, il-gvern ħa l-inizjattiva li jestendi l-opportunità taħt din il-miżura għal benefiċċju tas-settur agrikolu ġewwa pajjiżna.

 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar il-ftuħ mill-ġdid ta' Skema 4.1 iffinanzjata minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

“Din fiha il-valur ta' madwar tliet miljun ewro u dan biex ikompli jgħin lil bdiewa ikomplu jagħmlu investiment f'dan il-qasam daqstant importanti għall-pajjijżna."

 

Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif aktar kmieni dan ix-xahar għalqu l-applikazzjonijiet għal sejħiet ta' għajnuna mil-fondi Ewropej għas-settur tal-agrikoltura. Huwa qal li kien hemm mal-65 applikazzjoni li jammontaw għal €11-il miljun li bħalissa qed jiġu evalwati. Dawn l-applikazzjonijiet huma mezz importanti kif inkomplu nsostnu l-qasam agrikolu Malti u Għawdxi. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet mħabbra ser tgħalaq il-Ġimgha 24 ta` Lulju 2020 f'nofsinhar. Għal aktar informazzjoni għamel kuntatt permezz ta' email rdd.mfea@gov.mt  jew in-numri tat-telefon 2200 1117 / 2200 1162.