Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202161

PR202161

02/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: 300 spezzjoni fuq stabbilimenti tal-ikel fi tmiem il-ġimgħa - 25 azzjoni legali minn Ġunju sa Ottubru


Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, id-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wettaq 300 spezzjoni f’diversi lokalitajiet biex jaraw li l-aħħar promulgazzjoni tal-Avviż Legali 403 tal-2020 qed tiġi implimentata mill-istabbilimenti tal-ikel. Minn dawn irriżulta li żewġ stabbilimenti ma kinux qed jaderixxu mal-liġi kkonċernata u se tittieħed azzjoni legali fil-konfront tagħhom.

Id-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità kienet l-entità ewlenija biex twettaq spezzjonijiet u kontrolli fuq stabbilimenti turistiċi mindu bdew jittieħdu l-miżuri biex tiġi kkontrollata l-pandemija tal-Covid-19. Fil-perjodu bejn Marzu u l-aħħar ta’ Mejju, meta l-istabbilimenti tal-ikel kienu restritti biss għall-bejgħ ta’ take-away u deliveries u stabbilimenti oħrajn kellhom jibqgħu magħluqa, saru iktar minn 40,000 kontroll. Dan sar biex jiġi żgurat li dawn il-miżuri qed jiġu osservati. F’dan il-perjodu nstabu għaxar stabbilimenti li ma kinux qed josservaw il-miżuri u b’hekk ittieħdet azzjoni legali hekk kif kien stipulat fl-avviż legali.

Minn Ġunju sa Ottubru, l-operazzjonijiet turistiċi setgħu jiftħu bil-kundizzjoni li jimplimentaw u josservaw protokolli stabbiliti mill-Awtorità. F’dan il-perjodu saru madwar 5,000 audit u spezzjoni fi stabbilimenti tal-ikel u f’operazzjonijiet turistiċi oħra f’dan ir-rigward. F’dan il-perjodu ttieħdu 25 azzjoni legali kontra stabbilimenti li nstabu li mhux qed josservaw il-protokolli.