Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202205

PR202205

06/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Restawr ta’ niċċa u ta’ statwa fir-Rabat

Statwa tal-Madonna tal-Karmnu u niċċa b’sinifikati arkitettoniċi u storiċi li jinsabu fil-parti ċentrali tar-Rabat u li jmorru lura mill-inqas 100 sena se jkunu restawrati fi proġett stmat li jiswa’ madwar €20,000. Il-proġett se jkun finanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. In-niċċa tifforma parti miz-zuntier tal-Bażilika Minuri ta’ San Pawl, meqjusa bħala waħda mill-isbaħ knejjes ta’ pajjiżna. Fis-sena 2013 l-akkwata ġiet skedata mill-Heritage Planning Unit bħala Żona Protetta Kategorija A.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret il-proġett ta’ restawr waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha enfasizzat il-potenzjal turistiku li għandhom l-ibliet u l-irħula Maltin. 

“L-ibliet u l-irħula tagħna, partikolarment fil-partijiet antiki tagħhom, għandhom ħafna x’joffru fejn jirrigwarda l-istorja ta’ pajjiżna. Niċeċ u statwi bħal din tal-Madonna tal-Karmnu huma attrazzjonijiet addizzjonali ma’ oħrajn f’lokalitajiet partikolari u huma ħolqa fil-katina storika tagħna. Ir-Rabat innifsu diġà huwa popolari u frekwentat ħafna mit-turisti mhux biss għax fil-qrib għandna ġawhra bħalma hija l-Imdina imma wkoll għax il-lokalità hija miżgħuda b’postijiet storiċi u ta’ interess kbir, fosthom il-Villa Rumana, il-Grotta ta’ San Pawl u l-Katakombi ta’ Sant’Agata. Is-sena li għaddiet huwa kkalkulat li 1.9 miljun turist żaru l-Imdina u r-Rabat, ċifra li tirrappreżenta 69% tat-turisti li żaru pajjiżna. Niċeċ u statwi bħal din huma attrazzjonijiet kumplimentari u jkun nuqqas min-naħa tagħna jekk ma niħdux ħsiebhom. Huma wirt li ħallewlna missirijietna li jirrifletti mill-inqas żewġ affarijiet, il-kapaċitajiet tal-ħaddiem Malti u Għawdxi fix-xogħol tal-ġebla u t-twemmin reliġjuż tagħna,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

Il-format tan-niċċa mhux wieħed komuni, bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu skolpita fil-ġebla. Taħt l-istatwa hemm żewġ skrizzjonijiet fl-irħam li jmorru lura għas-sena 1921, li jfisser li kemm in-niċċa kif ukoll l-istatwa għandhom mill-inqas 100 sena. Il-valur storiku u arkitettoniku tan-niċċa jridu jitqiesu fil-kuntest li minnha nnifisha tifforma parti minn akkwata li tmur lil hinn mill-perjodu preistoriku.

Sfortunatament tul is-snin kemm in-niċċa kif ukoll l-istatwa ġarrbu ħsarat sostanzjali dovut primarjament għall-elementi tan-natura kif ukoll interventi mill-bniedem li kkontribwew għall-ħsarat fil-ġebla. Ir-restawr se jkun qed jassigura li l-istruttura tkun preservata filwaqt li jkunu eliminati l-elementi li kkawżaw il-ħsarat tul is-snin.

Sandro Craus, is-Sindku tar-Rabat, esprima sodisfazzjon għar-restawr tal-istatwa li tmur lura ħafna snin ilu, saħansitra qabel inbniet il-bażilika. Huwa qal li l-kunsill lokali jinsab kburi li din l-ikona fil-qalba tar-Rabat se tkun qed tiġi ppreservata biex titgawda mir-Rabtin stess u mit-turisti. 

Preżenti kien hemm ukoll il-viċi sindku u kunsilliera oħra mill-Kunsill Lokali tar-Rabat. 

Saru kelmtejn ukoll minn Francelle Caruana f’isem l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li qalet li dan il-proġett huwa wieħed minn diversi proġetti li l-Awtorità, flimkien mal-Ministeru, qed jaħdem flimkien mal-kunsilli lokali u ma’ NGOs differenti biex jitjieb il-prodott turistiku. 

Ix-xogħlijiet fdati f’idejn Agius Stoneworks huma stmati li jieħdu madwar tliet xhur. Il-kuntrattur Rosario Agius spjega li sar mapping tal-ġebla u li kienu identifikati metodoloġiji u interventi għal partijiet differenti skont il-ħsarat.