Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202231

PR202231

10/11/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Is-Segretarju Permanenti Ewlieni jżur l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati

​​

Il-gvern u l-poplu jirrikonoxxu bil-fatti lill-membri tal-korpi dixxiplinati
 
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar żar l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’  Kandja fejn ra l-investimenti li qed isiru biex l-akkademja toffri taħriġ ta’ kwalità għolja u mhux biss 
taqdi l-ħtiġijiet tal-Pulizija, iżda wkoll tal-forzi dixxiplinati l-oħra tal-pajjiż.

Is-Sur Cutajar ġie milqugħ mill-Kmandant tal-Akkademja s-Sur Joseph Cachia, flimkien ma’ membri tal-Bord u l-istaff.  

F’diskors qasir is-Sur Cutajar enfasizza illi huwa importanti li l-Akkademja tikkollabora mill-qrib mal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, li hija l-akkademja ewlenija tas-Servizz Pubbliku, kemm biex ikun hemm messaġġ wieħed unit u kemm għax f’pajjiż ċkejken bħal tagħna huwa fundamentali illi r-riżorsi jiġu utilizzati sew u b’mod strateġiku.  

Huwa qal li l-pajjiż ikun qed juri l-għarfien tiegħu għall-ħtieġa u l-ħidma tal-korpi dixxiplinati tagħna meta jinvesti daqstant fit-tħejjija u fit-tagħmir għalihom. Daqstant ieħor, saħaq li l-pajjiż ikun qed japprezza u jirrikonoxxi l-ħidma ta’ kull min huwa parti mill-korpi dixxiplinati meta għall-ewwel darba tahom id-dritt li jissieħbu f’unions u qed itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kull korp bħalma sar diġà mal-Pulizija, bħalma qed isir preżentement mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u kif se jsir dalwaqt mal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Is-Sur Cutajar wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Uffiċċju tiegħu kien fuq quddiem biex jgħin iwassal dawn il-ftehimiet settorali għall-iffirmar tagħhom.

Fiż-żjara tiegħu, il-Kap tas-Servizz Pubbliku segwa mill-qrib taħriġ prattiku li kien għaddej mill-Pulizija, taħriġ akkademiku għall-gwardji tal-fruntieri, klassijiet tal-ewwel għajnuna u anke kellu ċ-ċans jipprova simulatur li qed jintuża f’lezzjonijiet dwar il-vjolenza domestika.

Matul iż-żjara, is-Sur Cutajar żar ukoll binja ġdida li qed tinbena u li se tkun qed tintuża bħala akkomodazzjoni f’każ ta’ bżonn.

Din is-sena, l-Akkademja diġà offriet taħriġ lil madwar 1,000 membru tal-korpi dixxiplinati. Fil-Baġit għas-sena 2021, ġie sostnut l-investiment għall-Akkademja b’allokazzjoni ta’ kważi nofs miljun ewro li se jmorru għal proġetti u inizjattivi.

Dan kollu se jkompli jwassal għal servizz ta’ kwalità biex is-Servizz Pubbliku joffrilek serħan il-moħħ u jkun dejjem miegħek.