Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202259

PR202259

13/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Imnedija l-miżura tal-baġit li se tara 7,000 siġra oħra fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin

​Din is-sena, Parks Malta ħawwlet iktar minn 5,200 siġra.

Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, permezz tal-entitá tiegħu Parks Malta, nieda l-miżura tal-baġit li se tara 7,000 siġra oħra fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Dan bħala parti mill-impenn tal-gvern li kull kunsill jingħata 100 siġra.

Waqt żjara f'Howard Gardens fl-Imdina, fejn din il-ġimgħa tħawwlu 300 arbuxell f'dan il-ġnien li jattira mhux biss familji Maltin imma wkoll eluf ta' turisti kull sena, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli spjegat kif fi ftit jiem minn meta tħabbret l-iskema tal-100 siġra lil kull kunsill lokali, dawn ikkonkorrew b'interess għal din l-iskema.

Il-gvern jinsab impenjat li jkompli jħaddar spazji miftuħa u pubbliċi f'kull belt u raħal f'pajjiżna u għaldaqstant fil-baġit impenjajna ruħna li nagħtu 7,000 siġra oħra fi skema ġdida. L-interess diġà kien wieħed pożittiv ħafna, u flimkien ma' Parks Malta se nkomplu naħdmu biex inkomplu ntejbu l-lokalitajiet tagħna."

Preżenti mal-Ministru Farrugia Portelli kien hemm diversi membri mill-Kunsill Lokali tal-Imdina. Is-Sindku Peter Sant Manduca esprima l-gratitudni tiegħu lejn Parks Malta u l-Ministeru għal dan l-impenn u semma l-importanza tal-koperazzjoni bejn il-gvern u l-kunsilli lokali li minnha jibbenefikaw il-komunitajiet.

Preżenti f'isem Parks Malta kien hemm id-Direttur Ivan Farrugia li spjega kif l-entità assistiet u tat l-għajnuna tagħha f'dawn l-aħħar xhur. Huwa qal li matul din is-sena Parks Malta ħawwlet iktar minn 5,200 siġra.