Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202270

PR202270

14/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Id-diġitalizzazzjoni tal-Qrati tagħna tfisser ġustizzja effiċjenti għaċ-ċittadini

​​​

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis żar waħda mill-Awli kompletament diġitalizzati fil-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta. Dan għamlu sabiex iħabbar illi sal-aħħar tas-sena 2021 ser ikun hemm tal-anqas ħames awli oħra attrezzati b’dan il-mod. 

Dan qed isir ukoll wara li lbieraħ stess daħal fis-seħħ l-Att nru LIII tas-sena 2020 li jipprovdi qafas legali sod sabiex il-kawżi ta’ natura ċivili jkunu jistgħu jsiru b’mod virtwali. Dan japplika wkoll fil-kamp kriminali, meta ikun hemm xhud li jkun barra minn Malta, u li jkun hemm bżonn li jinstema’. 

Il-ministru għamel din iż-żjara fil-preżenza tal-Imħallef Francesco Depascuale, il-President tal-Assoċċjazzjoni tal-Imħallfin u tal-Maġistrati, l-Avukat tal-Istat Dr Christopher Soler, il-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Louis DeGabriele, u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Qorti, is-Sur Frank Mercieca.

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li din l-inizjattiva hija parti minn politika aktar wiesgħa ta’ diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja tagħna. Il-ministru fakkar li nġiebu fondi Ewropej u għajnuna minn entitajiet ġuridiċi barranin sabiex issir konsultazzjoni pubblika u politika ta’ strateġija diġitali ħolistika għas-settur. Il-ministru kkonkluda li dan kollu qed isir sabiex il-ġustizzja ssir aktar aċċessibbli u effiċjenti għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. 

L-Imħallef Francesco Depasquale saħaq li bħala ġudikant li diġà qed jagħmel użu minn din is-sistema, din hija t-triq ‘il quddiem biex il-ġustizzja f’pajjiżna tkun waħda moderna bħal dik ta’ pajjiżi oħra avvanzati. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Qrati ta’ Malta, is-Sur Frank Mercieca spjega li l-proċess ta’ ‘procurement’ għall-ħames awli oħra kompletament diġitalizzati diġà beda u l-għan huwa li fl-iqsar żmien possibbli l-awli kollha ikunu mogħnija b’din is-sistema. Is-Sur Mercieca qal ukoll li hemm proċess għaddej ta’ taħriġ għall-ħaddiema tal-Qorti, sabiex ikunu profiċjenti fit-tħaddim ta’ din is-sistema.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati, Dr Louis DeGabriele semma li kienet il-Kamra tal-Avukati li fil-bidu taż-żmien il-pandemija ħarġet dokument tekniku dwar dan is-suġġett. Huwa kompla jgħid li huma inizjattivi bħal din u oħrajn, anke żgħar, li flimkien iwasslu għal Qrati aktar effiċjenti.