PR202282

16/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI: Tnedija ta’ helpline għal persuni b’diżabilità


Tnieda helpline għal persuni b’diżabilità u għall-familjari tagħhom li jkun jista’ jservi bħala punt ta’ referenza għal diversi mistoqsijiet u għal sfidi li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

Dan il-helpline se jkun qed jitħaddem minn sistema ċentralizzata minn Aġenzija Sapport. Din l-istruttura se tkun qed tgħin biex tinġabar statistika aktar dettaljata u b’hekk tkun tista’ ssir evalwazzjoni aħjar tas-servizzi offruti. 
 
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar it-Tnejn filgħodu, li saret b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Aġenzija Sapport u servizz.gov.

Il-helpline se jkun aċċessibbli fuq in-numru 153 u din l-inizjattiva kienet imwiegħda bħala miżura tal-baġit għas-sena 2020.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dan is-servizz se jkun ta’ benefiċċju kemm għall-familji kif ukoll għall-gvern, għax se jkun hemm stampa kompluta tax-xogħol li qed isir, x’hemm bżonn u l-pjanijiet għall-futur. Il-Ministru Michael Falzon qal li dan is-servizz ser ikompli jagħti widen lil min jgħix id-diżabilità fil-ħajja ta’ kuljum, filwaqt li se tkompli tingħata spinta għal titjib fis-servizz offrut.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li dan l-ewwel helpline għal persuni b’diżabilità huwa importanti ħafna għal dawn il-persuni u għal qrabathom. Is-segretarju parlamentari qal li l-ħidma f’dan settur hija fuq quddiem tal-aġenda tal-gvern u aktar kemm qed jgħaddi żmien aktar qed ikomplu jitniedu proġetti u inizjattivi favur il-persuni b’diżabilità. Fil-fatt, il-baġit għas-sena 2021 huwa turija ċara ta’ kemm il-gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ dan is-settur.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li l-kejl tas-suċċess tas-Servizz Pubbliku huwa kollaborazzjonijiet bħal tal-lum; il-helpline għal persuni b’diżabilità. Qal li permezz tal-aġenzija servizz.gov kif ukoll tal-użu tat-teknoloġija, is-Servizz Pubbliku qed joffri lill-klijenti tiegħu servizz tajjeb u ta’ eċċellenza, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, mingħajr ħafna tħassib min-naħa tal-klijent. 

Saħaq li bl-introduzzjoni tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità, Freephone 153 se jkollu l-bieb miftuħ beraħ għas-servizzi kollha li joffri l-gvern.

Qal li s-suċċess tas-Servizz Pubbliku jitkejjel ukoll bin-numru ta’ każi li jmorru għand l-Ombudsman, b’dawn ir-rapporti jagħtu ċertifikat tajjeb ħafna lis-Servizz Pubbliku, hekk kif in-numru ta’ każi huma minimi. Semma wkoll li l-Awditur Ġenerali qed jirrikonoxxi li r-rakkomandazzjonijiet li jagħmel qed jiġu implimentati mis-Servizz Pubbliku u allura dan ukoll juri kemm is-Servizz Pubbliku għamel passi kbar ’il quddiem biex il-klijent jingħata s-servizz li jixraqlu, temm jgħid is-Sur Cutajar.