Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202301

PR202301

18/11/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Mediċina ġdida fuq il-formularju tal-gvern għal min ibati bil-qtugħ ta’ nifs b’mod kroniku

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar l-introduzzjoni ta’ mediċini ġodda għal min ibati bil-qtugħ ta’ nifs b’mod kroniku, fuq il-formularju tal-gvern.

Dawn il-mediċini l-ġodda, li huma long acting muscarinic antogonists (LAMAs), jgħinu lil dawk li għandhom chronic obstructive pulmonary disease (COPD), kundizzjoni kronika fil-pulmun li taffettwa l-aktar lil dawk li jpejpu jew li kienu jpejpu. 

Madwar 6,000 pazjent se jkun qed jibbenefika minn din l-inizjattiva. Persuni li jbatu bis-COPD għandhom aktar riskju li jidħlu l-isptar speċjalment fix-xhur tax-xitwa. 

“Minbarra investiment fuq mediċini ġodda li qed ikomplu jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tal-pazjenti tagħna, qegħdin ukoll ninvestu fir-riżorsa umana. Id-dipartiment fuq mard respiratorju għandna 6 konsulenti u qegħdin fil-proċess biex nimpjegaw 3 konsulenti oħra”, ħabbar id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. 

“B’mediċini bħal-LAMAs fuq il-formularju tal-gvern, se jkun ifisser li pazjenti bis-COPD ikollhom il-kundizzjoni tagħhom aktar ikkontrollata u b’hekk ma jkollhomx ħtieġa li jidħlu l-isptar daqshekk ta’ spiss”, qal il-Professur Montefort, konsulent fuq mard respiratorju.