Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202311

PR202311

19/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Malta parti minn proġett ġdid mat-tenur ta’ fama internazzjonali Andrea Bocelli

​​

Matul il-jiem li għaddew, Malta laqgħet lit-tenur ta’ fama internazzjonali Andrea Bocelli, hekk kif pajjiżna se jkun il-bażi ewlenija tal-proġett ġdid tiegħu. 

Dan il-proġett kien qed jiġi kkoordinat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

B’kollaborazzjoni mal-Mediterranean Tourism Foundation u l-MTA, it-tenur Andrea Bocelli għażel xeni spettakolari minn diversi postijiet madwar Malta biex ikunu parti minn dan il-proġett li se jkun varat uffiċjalment fi ftit ta’ ġimgħat oħra. Din se tkun okkażjoni oħra kif pajjiżna se jkun qed jiġi reklamat madwar id-dinja, din id-darba bil-mużika u l-arti viżiva.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli laqgħet lit-tenur Andrea Bocelli u fissret kemm dan il-proġett hu wieħed li jfisser ħafna għal Malta bħala l-aqwa vetrina fuq livell turistiku u kulturali. 
 
Hija żiedet tgħid li Malta qed tippromwovi turiżmu ta’ kwalità u li dan il-proġett se jibgħat messaġġ b’saħħtu f’din id-direzzjoni.

Il-Ministru Farrugia Portelli flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ppreżentat lit-tenur Andrea Bocelli bir-rikonoxximent ‘Distinguished Friend of Malta’. Dan ir-rikonoxximent ingħata lil Bocelli għall-kontribuzzjoni eċċellenti fil-promozzjoni tal-gżejjer Maltin bħala destinazzjoni ideali għal btala, u li fl-irwol tiegħu ta’ tenur se jkun ta’ ispirazzjoni għal persuni oħrajn sabiex jiskopru l-gżejjer Maltin.

Matul iż-żjara ta’ tlett ijiem f’Malta, Andrea Bocelli kien akkumpanjat minn martu Veronica u t-tifla tagħhom Virginia.