Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202316

PR202316

19/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U L-INDAFA PUBBLIKA Rapport ta’ Eċċellenza għal-Awtorità Maltija għall-Mediċini

Fil-jiem li għaddew, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta r-rapport tal-prestazzjoni u analiżi tal-proċess ta’ reklutaġġ tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini. Din il-verifika fittxet li tiddetermina jekk iż-żieda fir-riżorsa umana fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Mediċini (MMA) tirriflettix il-ħtiġijiet tal-Awtorità u tikkostitwixxix valur għall-flus. Dan l-eżerċizzju evalwa l-prattiċi fi ħdan l-Awtorità biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tekniċi u amministrattivi tagħha. Ir-rapport ikkonkluda li d-direzzjoni strateġika tal-MMA poġġiet lill-Awtorità fuq bażi soda biex twettaq il-viżjoni tagħha bħala ċentru ta’ eċċellenza.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għal-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista żaru din l-entità sabiex jagħtu ħarsa lejn ix-xogħol ta’ dawn il-professjonisti waqt li rringrazzjawhom tal-ħidma eċċellenti tagħhom. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli bdiet billi rringrazzjat lis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, lill-ħaddiema kollha ta’ din l-Awtorità u lill-Kap Eżekuttiv il-Prof Anthony Serracino Inglott, għar-riżultat pożittiv u mistħoqq li ħareġ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Dan ir-rapport iddeskriva l-Awtorità bħala waħda li, permezz tad-direzzjoni strateġika tagħha, poġġietha fuq bażi soda biex tkun tista’ twettaq il-viżjoni tagħha bħala ċentru ta’ eċċellenza. “Il-mod ta’ kif qed tmexxi din l-Awtorità, kemm mill-aspett finanzjarju u anki tekniku, għandu jservi ta’ eżempju għal awtoritajiet oħrajn,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli. Hija qalet kif l-Awtorità kompliet tinvesti fir-riżors uman, hekk kif fl-aħħar seba’ snin kien hemm żieda ta’ iktar minn 50 ħaddiem. Dan kien punt ieħor li ħareġ fir-rapport, hekk kif ġie stabbilit li r-reklutaġġ segwa prattiċi tajbin. Hija qalet li dan iċ-ċertifikat ta’ eċċellenza jawgura tajjeb għall-mixja fil-ħidma li għandha l-Awtorità, fosthom b’rabta mal-vaċċin tal-Covid-19. Fl-aħħarnett, il-Ministru Julia Farrugia Portelli awgurat lill-ħaddiema għal iżjed ħidma u suċċessi għas-snin li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega kif f’dawn l-aħħar snin l-Awtorità għall-Mediċini mhux biss żiedet b’mod sostenibbli n-numru ta’ professjonisti mgħammra b’għarfien u kompetenza, iżda saret xempju ta’ eċċellenza, innovazzjoni u sostennibilità fil-qasam tax-xjenza regolatorja fuq livell nazzjonali u dak internazzjonali. Huwa stqar kif dan hu frott il-ħidma bla waqfien tal-professjonisti li jagħmlu din l-Awtorità. Hu dan it-teamwork, li jaħdem bi strateġija ffukata f’ambjent ta’ xogħol li jħaddan family friendly measures u teleworking u mibni fuq sfond sod ta’ good quality management systems, li wassal għal rapport pożittiv mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. 
Is-Segretarju Parlamentari Debattista għalaq id-diskors tiegħu billi qal kif hu jħossu kburi bil-professjonisti ta’ din l-Awtorità u bil-ħidma tagħhom li dejjem jassiguraw mediċini ta’ kwalità, filwaqt li jpoġġu lill-pażjenti tagħna fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom. Huwa rringrazzja ukoll lil Professur Serracino Inglott li bl-esperjenza vasta u xjentifika tiegħu kompla jixpruna lil din l-Awtorità biex tkompli tilħaq il-miri ġodda u innovattivi skond il-viżjoni ta’ dan il-gvern.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità il-Professur Serracino Inglott saħaq li s-sisien ta’ din l-Awtorità huma mibnija fuq teamwork  u regoli bbażati fuq xjenza li jżommu lill-pażjent fiċ-ċentru ta’ kollox. Il-professur spjega wkoll kif iħossu kburi li l-pozizzjonijiet għoljin ġewwa din l-Awtorità huma okkupati minn nisa u individwi ta’ età żgħira bi kwalifiki għoljin bħal dottorati f’suġġetti varji.