Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202325

PR202325

19/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR, MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

​​

Installata kamera tas-CCTV taħt l-ilma fl-Akwarju Nazzjonali Malti permezz ta' proġett minn fondi Ewropej 

Ġiet installata kamera tas-CCTV taħt l-ilma fl-Akwarju Nazzjonali Malti mill-Università ta' Malta biex tkun tista' ttejjeb il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-għarfien fuq il-protezzjoni tal-ekosistemi marittimi.

 

Din hija installazzjoni tal-ewwel xorta tagħha f'Malta u hija f'konformità mal-inizjattivi li qed tieħu l-Unjoni Ewropea favur aktar turiżmu innovattiv permezz tal-Blue Growth Strategy, kif ukoll mal-attivitajiet favur aktar litteriżmu fuq il-baħar u attivitajiet ta' disseminazzjoni ta' Natura 2000.

 

Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt it-tnedija ta' din l-inizjattiva.

 

Dan il-proġett huwa parti mill-HARMONY Italia-Malta Project, proġett li qed isir b'fondi Ewropej u li qed jimmira li jipproteġi l-bijodiversità fiż-żona bejn l-Italja u Malta.

 

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tagħmel parti mill-proġett Interreg HARMONY Italia-Malta minħabba r-rabtiet qawwija li jeżistu bejn l-ambjent marittimu u s-sostennibbiltà ta' annimali marittimi fl-ekosistema tagħna.

 

“L-għan ewlieni ta' din il-koperazzjoni huwa li tassigura s-salvagwardja tal-qiegħ tal-baħar u li tistudja l-effetti ta' fenomeni li jippromwovu t-tkattir ta' speċi li mhux indiġeni fl-ibħra tagħna. Inizjattivi bħal dawn huma importanti ħafna għalina li nfasslu l-politika, għaliex jgħinuna fl-iżvilupp u tfassil ta' politiki futuri li jirriflettu r-realtà għall-ġid tal-ekosistema ta' pajjiżna, u fuq kollox, għall-benesseri tagħna lkoll. Ninsab kunfidenti li permezz ta' dawn l-isforzi se tkun qed issir aktar riċerka li se twassal għall-immaniġġjar aħjar tal-ibħra u li se twassal għal effetti pożittivi fuq settur importanti għal pajjiżna – dak tal-ekonomija l-blu", qal il-Ministru Aaron Farrugia.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret din l-inizjattiva u qalet li l-konservazzjoni tal-ispeċi u l-ambjent ta' taħt il-baħar hija marbuta mal-potenzjal tat-turiżmu tal-għadis, wieħed mis-swieq li qed ikompli jikber fil-popolarità.

 

Hija semmiet li s-sena li għaddiet aktar minn 4.8% tat-turisti kienu primarjament immotivati biex iżuru Malta għal skopijiet ta' għadis u kien hemm 178,960 turist li ħadu sehem f'esperjenza ta' għadis waqt li kienu f'Malta.

 

Julia Farrugia Portelli tkellmet ukoll dwar l-esperjenza offruta mill-Akwarju Nazzjonali ta' Malta li bħala attrazzjoni turistika ta' klassi dinjija s-sena l-oħra attirat 222,754 turist. Dan l-impenn lejn turiżmu ta' kwalità kompla matul il-pandemija fejn €600,000 ġew investiti mill-akwarju biex itejbu l-esperjenza għall-viżitaturi tiegħu.

 

Hija kkonkludiet billi qalet li dan il-proġett iservi bħala eżempju tal-kunċett ta' turiżmu virtwali, li permezz tiegħu nistgħu nuru dak li joffru l-gżejjer Maltin u nħajru lit-turist iżurna fiż-żminijiet ta' wara l-pandemija.

 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li l-kollaborazzjoni ta' tliet entitajiet; l-Università ta' Malta, l-ERA u d-Dipartiment tal-Ħut u l-Akwakultura, wasslet sabiex ġew allokati €600,000, mill-fond INTERREG Italia-Malta. Dan il-proġett se jagħtina aktar tagħrif fuq l-ambjent tal-baħar permezz ta' kameras tas-CCTV u interventi oħra, spjega s-segretarju parlamentari. Huwa qal li l-proġett HARMONY wassal għal proġett ieħor imsejjaħ CORALLO, li huwa kofinanzjat b' fondi Ewropej, fejn permezz tiegħu se jkun hemm installazjoni ta' aktar apparat ta' CCTV f'diversi mużewijiet immexxija minn Heritage Malta. “Proġetti bħal dawn, iffinanzjati b'fondi Ewropej, jagħtuna l-opportunità li nitgħallmu u napprezzaw aktar l-ambjent naturali ta' pajjiżna, speċjalment l-ibħra tagħna", ikkonkluda s-segretarju parlamentari.

 

“Qed nesperjenzaw xi ħaġa li qatt ma ġrat qabel f'pajjiżna – qed inwasslu d-dinja ta' taħt il-baħar fl-uffiċċji u d-djar tagħna. Dan huwa mod kif qed nagħtu sinifikat ġdid lill-esperjenza tal-viżitatur tul dawn iż-żminijiet. Is-sensiela ta' inizjattivi ta' litteriżmu marittimu mill-Università ta' Malta hija f'sinkronija mal-ispirtu tad-Dekadu għax-Xjenza Marittima tal-Ġnus Magħquda (2021-2030), li se jkun qed iwassal biex pajjiżna jsir ċentru ta' eċċellenza fil-litteriżmu marittimu fil-Mediterran, u huwa konformi mal-attentat biex Malta tissieħeb bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fl-2022", qal il-Prof. Alan Deidun mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenza fl-Università ta' Malta.​