Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202330

PR202330

20/11/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Is-Servizz Pubbliku jiċċelebra l-Jum Dinji tat-Tfal b’kompetizzjoni

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal iċċelebrat mill-UNESCO llum, l-20 ta' Novembru, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qed iniedi kompetizzjoni għall-istudenti tal-iskejjel primarji li qegħdin fir-raba', fil-ħames u fis-sitt sena, bit-tema 'X'tixtieq issir la tikber?'

L-għan ta' din il-kompetizzjoni huwa li t-tfal minn età żgħira jibdew jaħsbu fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom, isiru konxji tal-karrieri diversi li joffri s-Servizz Pubbliku u jirriflettu fuq il-potenzjal tagħhom għall-futur. Dan fid-dawl tal-fatt li kull min jixtieq jagħmel differenza fis-soċjetà tagħna għandu jfittex karriera fis-Servizz Pubbliku.

F'din il-kompetizzjoni, it-tfal huma mistiedna joħolqu tpinġijiet, postcards, mudelli, artikli, stejjer, filmati qosra jew produzzjonijiet artistiċi relatati mat-tema 'Servizz Pubbliku – X'tixtieq issir la tikber?'.

Permezz tal-edukaturi fi ħdan id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, l-istudenti se jkunu mħeġġa wkoll biex jaraw filmat animat maħdum apposta għalihom bit-tema 'Is-Servizz Pubbliku: X'joffri?' sabiex jiksbu tagħrif dwar il-karrieri li joffri s-Servizz Pubbliku.

​Id-dettalji u r-regolamenti tal-kompetizzjoni kif ukoll il-filmat animat jistgħu jiġu aċċessati minn fuq il-paġna ta' Facebook tas-Servizz Pubbliku. 

(Link: https://www.facebook.com/servizzpubbliku/videos/521614318794517​​)

Hemm numru sabiħ ta' premjijiet abbinati ma' din il-kompetizzjoni, fosthom tablets, cameras tar-ritratti u vouchers li jissarrfu f'biljetti għall-familja kollha fl-Akwarju Nazzjonali u fil-ħanut online ta' Heritage Malta. L-Amministrazzjoni Pubblika se tkun qed taħdem ukoll biex kull min jieħu sehem fil-kompetizzjoni jingħata ċertifikat u jkollu xogħlu espost f'wirja diġitali.

F'kumment tal-okkażjoni, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar sostna li għal diversi snin, xogħol fis-Servizz Pubbliku ma tantx kien apprezzat, anzi konna nisimgħu ħafna kliem negattiv dwar il-ħaddiema taċ-ċivil. Illum qed nindunaw li s-Servizz Pubbliku jinsab fuq quddiem fis-soċjetà u uffiċjali fi ħdanu jagħmlu dak kollu possibbli biex joffru s-servizzi tagħhom 24 siegħa kuljum, is-sena kollha.