Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202346

PR202346

21/11/2020

STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA

Il-Gvern ta' Malta jsellem il-memorja tal-kittieb, poeta, kritiku letterarju, u ħassieb Oliver Friggieri li llum ħalla din id-dinja fl-età ta' 73 sena. 

 

Il-Professur Friggieri kien wieħed mill-ikbar awturi li qatt kellu pajjiżna. Magħruf mhux biss f'Malta imma wkoll fuq livell internazzjonali, f'Oliver Friggieri kienet tispikka l-kreattività sinonima ma' personaġġ ta' rispett u suċċess li se jħalli legat kbir warajh.   

 

Oliver Friggieri huwa meqjus bħala patrijott Malti li ħabb u ċċelebra l-identità Maltija. Fil-fatt, ix-xogħlijiet tiegħu huma punt ta' referenza għall-lingwa Maltija u kontribut enormi għall-istorja Maltija. Bil-kitbiet tiegħu kien jippromwovi sens ta' għaqda għal dan in-nazzjon u għal dan il-poplu. 

 

Dan l-element patrijottiku wassal biex, fost l-oħrajn, fl-2013 inħatar chairperson tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin u fl-2016 ingħata l-Midalja tad-Deheb 'Ġieħ l-Akkademja tal-Malti'.

 

L-imħabba tiegħu lejn l-arti, ir-riċerka, u l-filosofija ispirat ġenarazzjoni wara oħra.

 

Filwaqt li jwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja Friggieri, il-Gvern ta' Malta jirringrazzja lil Oliver Friggieri għas-sehem imprezzabbli li ta lis-soċjetà tagħna b'tagħlim u ħsibijiet profondi li se jibqgħu ħajjin għal dejjem.​