gov.mt

pr202368

PR202368

24/11/2020

​STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Il-miżuri tal-gvern għamlu differenza kbira għat-turiżmu f’pajjiżna

Filwaqt li l-imxija tal-COVID-19 u l-impatt qawwi li kellha fuq id-dħul f’pajjiżi barranin wasslu biex it-turiżmu barrani jonqos b’mod qawwi, statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO) tindika li din is-sena t-turiżmu domestiku sploda ’l fuq.


Fil-fatt, fit-tielet kwart tas-sena, aktar mid-doppju tal-Maltin u tal-Għawdxin għażlu li jqattgħu lejl f’lukandi f’pajjiżna. Filwaqt li fl-2019, li kienet sena rekord għat-turiżmu domestiku, kien hemm ftit aktar minn 43,000 Maltin u Għawdxin li ħadu vaganza f’lukanda f’pajjiżna bejn Lulju u Settembru, fl-istess xhur tal-2020 kien hemm 97,325. Dan ifisser żieda ta’ kważi 54,300 persuna jew tkabbir ta’ 126% fuq l-istess perjodu sena qabel.

L-aktar li gawdew minn dan l-iżvilupp kienu l-lukandi ta’ 4 stilel li raw in-numru ta’ turisti minn pajjiżna stess jiżdiedu bi kważi 32,000. Din tfisser li bejn Lulju u Settembru 2020 kien hemm tliet darbiet l-ammont ta’ Maltin u Għawdxin li qagħdu ġo lukandi ta’ 4 stilel f’pajjiżna meta mqabbel ma’ sena qabel. Anke l-lukandi ta’ 5 stilel raw qabża kbira, bi kważi 11,000 resident aktar jew żieda ta’ 67% fuq l-2019.

Filwaqt li forsi wieħed seta’ jaħseb li kienu ser ikunu biss il-lukandi u l-istabbilimenti f’Għawdex li kienu ser igawdu mill-miżuri li daħħal il-gvern favur it-turiżmu domestiku, l-istatistika turi li fil-fatt l-istabbilimenti Maltin gawdew ħafna. Miż-żieda ta’ kważi 54,300 turist lokali, 50,100 kienu f’lukandi u f’akkomodazzjoni kollettiva fil-gżira Maltija. 

Filwaqt li miżuri bħall-vouchers għenu bil-kbir lill-operaturi f’Malta, kien hemm impatt pożittiv qawwi ħafna fil-gżira Għawdxija. In-numru ta’ turisti lokali żdiedu bi kważi 4,200. Jekk wieħed iħares lejn lukandi ta’ 4 stilel Għawdxin, in-numru ta’ turisti Maltin irdoppja meta kkumparat mal-2019. Bis-saħħa taż-żieda straordinarja fit-turiżmu domestiku, l-ammont kumplessiv ta’ turisti li qagħdu f’lukandi ta’ 4 stilel Għawdxin bejn Lulju u Settembru 2020 kien biss ftit mijiet anqas milli kien fl-2019, minkejja dak li seħħ bħala turiżmu barrani. Fejn jidħlu l-lukandi ta’ 5 stilel Għawdxin l-ammont ta’ turisti lokali tela’ għal aktar minn 6,000. Dan huwa darba u nofs aktar mill-ammont ta’ turisti barranin li kienu qagħdu f’lukandi ta’ 5 stilel Għawdxin fis-sajf tal-2019.

Skont l-NSO, l-ammont ta’ Maltin u Għawdxin li siefru barra minn pajjiżna għal btala fis-sajf tal-2020 kien 125,000 anqas mis-sena ta’ qabel. Jidher li kważi nofs dawn il-persuni minflok għażlu li jqattgħu btala f’lukandi u fi stabbilimenti f’pajjiżna, l-aktar f’lukandi ta’ 4 u ta’ 5 stilel.

Li f’nofs pandemija, meta fil-pajjiżi madwarna l-qgħad kien qed jiżdied b’rata mgħaġġla, f’pajjiżna jkun hemm tkabbir ta’ 126% fit-turiżmu domestiku, huwa l-akbar prova ta’ kemm il-miżuri ekonomiċi li ħa l-gvern taw kunfidenza kbira lill-familji f’pajjiżna. Dan meta statistika tal-Eurostat tindika li f’Lulju 2020 it-turiżmu lokali fil-bqija tal-Unjoni Ewropea kien saħansitra 22% anqas milli kien fl-2019.

Il-miżuri mħabbra fl-aħħar baġit – l-akbar wieħed fl-istorja ta’ pajjiżna, speċjalment il-miżura ta’ round ieħor ta’ vouchers, mistennija jerġgħu jagħtu spinta kbira lid-domanda domestika fix-xhur li ġejjin. Dan ser ifisser li n-negozji f’pajjiżna ser jibqgħu jiffunzjonaw u se jkunu lesti għal meta s-sena d-dieħla terġa’ tirranka d-domanda esterna. Huwa għalhekk li skont il-Kummissjoni Ewropea sal-2022 ir-rata ta’ tkabbir imbassra għal pajjiżna se terġa’ tkun id-doppju tal-medja Ewropea.