Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202381

PR202381

25/11/2020

​​STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU: Il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar jinawguraw l-Uffiċċju Ċentrali ġdid ta’ servizz.gov fil-Mosta



“servizz.gov xhieda ħajja ta’ Servizz Pubbliku li verament qiegħed hemm għan-nies.” – Il-Prim Ministru Robert Abela 

“L-avveniment tal-lum mhux punt ta’ wasla imma l-bidu tat-tieni fażi ta’ tiġdid tas-Servizz Pubbliku.” – Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajr 
 
Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, inawguraw uffiċini ġodda ta’ servizz.gov fil-Mosta.

Bil-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju ċentrali se jiżdied it-titjib, fejn filwaqt li jinżamm livell ta’ kwalità eċċellenti, is-servizz se jkun mifrux u ta’ professjonalità. Il-ħidma se tkun waħda fejn is-Servizz Pubbliku  jantiċipa l-ħtiġijiet tal-klijenti tiegħu. servizz.gov iservi ta’ lembut fejn is-servizzi kollha governattivi, madwar 1,500, joħorġu minnu u fejn il-klijent ma joqgħodx iħabbel rasu f’liema uffiċċju għandu jmur. servizz.gov se jkun fuq quddiem biex it-tieni fażi tat-tiġdid tas-Servizz Pubbliku ssir realtà, fosthom bi twaqqif ta’ remote working hubs.

Mill-2016 ’l hawn is-servizz irċieva ’l fuq minn 40,000 email u din is-sena se jkunu saru qrib il-miljun telefonata fuq in-numru tal-freephone. 

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li llum imxejna ħafna ’l quddiem. “Filli wieħed irid imur minn post għal ieħor biex jinqeda,  u filli llum servizz.gov joffri aktar minn 1,500 servizz taħt saqaf wieħed. Fi kważi 5 snin, aktar minn 300,000 persuna żaru xi wieħed mit-23 hub madwar il-pajjiż bl-aħħar 3 xhur, kemm ilu li servizz.gov ħa f’idejh anke l-uffiċċji distrettwali tas-sigurtà soċjali, kien hemm aktar minn 60,000 persuna li żaru dawn l-uffiċċji,” qal Dr Abela. 

Is-Segretarju Permanenti Ewieni s-Sur Cutajar qal illi servizz.gov huwa x-xempju ta’ servizz eċċellenti fejn  is-servizz ikun disponibbli 24 siegħa kuljum, is-sena kollha, u minn kullimkien. Għalhekk qal li ma jħossux sorpriż illi skont l-aħħar kejl tal-Eurobarometer 64% tal-poplu Malti għandu fiduċja fis-Servizz Pubbliku – jiġifieri 12% iktar mill-medja fl-Unjoni Ewropea. Is-Sur Cutajar stqarr illi meta nkunu qed nitkellmu fuq servizz.gov, tajjeb li niftakru illi l-istrateġija ta’ servizz ta’ eċċellenza ma tiffokax fuq metodu wieħed biss kif jingħataw is-servizzi imma tiffoka fuq faċċati diversi ta’ kif nilħqu lil kulħadd. M’għandniex biss mservices jew l-online portal imma għandna wkoll it-telefonati u l-walk-in hubs għal min mhux daqshekk intiż fit-teknoloġija.

Huwa qal li bil-ftuħ ta’ dan l-Uffiċċju Ċentrali se nkomplu nimmiraw għal aktar titjib, fejn filwaqt li nżommu livell ta’ kwalità eċċellenti, irridu nkomplu nifirxu s-servizz tagħna. Dan mhuwiex punt ta’ wasla imma punt tat-tluq. It-tieni fażi tat-tiġdid tas-Servizz Pubbliku hija eċċitanti daqs l-ewwel fażi – anke permezz ta’ remote work stations għal aktar flessibilità. Is-Sur Cutajar qal li rridu nibqgħu naħdmu biex kemm jista’ jkun ma nistennewx il-klijenti imma nkunu aħna li nantiċipaw il-ħtiġijiet tagħhom. Anke permezz ta’ teknoloġiji emerġenti. Il-viżjoni ’l quddiem għandha tkun li apparti l-uffiċini li fihom jintlaqgħu n-nies, nanalizzaw il-back-end tas-servizz u permezz ta’ hekk inkomplu neċċellaw fil-kwalità fit-totalità tagħha.

Fl-istess attività tkellem il-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov is-Sur Massimo Vella fejn qal li servizz.gov għamel avvanzi kbar tant li nħasset il-ħtieġa ta’ uffiċċju ċentrali ġdid. Huwa qal illi servizz.gov se jkun responsabbli mid-diġitalizzazzjoni fis-Servizz Pubbliku sabiex tkompli tissaħħaħ il-kwalità fl-għoti ta’ servizzi governattivi.
pr202381a.pdf