Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202401

PR202401

27/11/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar iżur numru ta’ ċentri reġjonali ta’ servizz.gov

​​

Is-Servizz Pubbliku dieħel għat-tieni fażi tat-tiġdid tiegħu permezz ta’ servizz.gov. Se jkomplu jiġu fis-seħħ aktar miżuri li jwasslu għal għoti ta’ servizz ta’ livell għoli u flessibbiltà għall-ħaddiema tiegħu permezz ta’ remote workspaces. Dan hu ppjanat li jidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla.   

Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa ġie inawgurat l-Uffiċċju Ċentrali ta’ servizz.gov fil-Mosta, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, żar numru ta’ ċentri reġjonali minn fejn servizz.gov joffri madwar 1,500 servizz taħt saqaf wieħed. Permezz ta’ dawn il-one-stop-shops, is-servizzi qed jitwasslu għand in-nies b’faċilità. Is-Sur Cutajar kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov, is-Sur Massimo Vella, flimkien maċ-Chief Operations Officer, is-Sa Melissa Vella Buhagiar.

Matul l-ewwel żjara fil-hub f’Birkirkara li jinsab fiċ-ċentru ċiviku tal-lokal, is-Sur Cutajar seta’ jsegwi mill-qrib ix-xogħol li qed isir biex dan il-one-stop-shop, minbarra li jkun imkabbar, immodernizzat u aktar akkoljenti għall-pubbliku, jibda jservi bħala remote workspace għall-uffiċjali pubbliċi. Hawnhekk is-Segretarju Permanenti Ewlieni ta dettalji dwar il-pjan fis-Servizz Pubbliku biex il-kunċett ta’ remote working mhux biss jissaħħaħ imma jibda jopera b’mod aktar strutturat u jsir parti integrali mis-Servizz Pubbliku.    

Is-Sur Cutajar qal li b’dan l-iżvilupp, kif ukoll mal-kumplament tal-hubs imxerrdin ma’ Malta kollha, servizz.gov se jkun fuq quddiem nett biex jixpruna t-tieni fażi tat-tiġdid tas-Servizz Pubbliku, dik li nsaħħu l-backend fid-dipartimenti biex intejbu aktar is-servizzi nfushom lill-klijenti. Dan wara li servizz.gov ġie fdat sabiex jikkordina l-proċess ta’ diġitalizzazzjoni mad-dipartimenti tal-gvern, anke permezz ta’ teknoloġiji emerġenti.

Is-Sur Cutajar żar ukoll il-hubs ta’ Raħal Ġdid u tal-Birgu, fejn qal li servizz.gov huwa protagonist impenjat biex is-Servizz Pubbliku joffri servizz bla taħbil il-moħħ għall-klijenti u servizz ta’ kwalità għolja 24 siegħa kuljum is-sena kollha, aċċessibbli minn kulħadd u minn kullimkien. F’dawn il-hubs is-Sur Cutajar kellu ċ-ċans ukoll jitkellem mal-ħaddiema u mal-pubbliku preżenti.

Fi kważi ħames snin, terz ta’ miljun klijent żaru xi wieħed mill-hubs ta’ servizz.gov. Il-hubs se jibqgħu jissaħħu sabiex anke dawk il-persuni li mhumiex daqshekk profiċjenti fit-teknoloġija wkoll igawdu minn servizz tal-ogħla livell. Din is-sena servizz.gov se jkun qed joqrob lejn il-miljun telefonata f’sena fuq il-freephone 153, filwaqt li fi tliet snin, il-website servizz.gov iġġenerat kważi 3 miljun hit kif ukoll twieġbu ’l fuq minn 40,000 email. servizz.gov joffri aktar minn 73 mservice għal min hu aktar intiż mat-teknoloġija.

Fil-jiem li ġejjin, servizz.gov se jkun qiegħed isaħħaħ is-servizzi online permezz tal-midja soċjali, Chatbot u Live Agent.