Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201892

PR201892

02/10/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U L-INDAFA PUBBLIKA Matul l-2019 saru madwar 50,000 test fuq materjal ta’ kostruzzjoni

Matul is-sena 2019, id-Direttorat għas-Servizzi Laboratorji, fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, għamel madwar 50,000 test fuq materjal ta' kostruzzjoni fosthom analiżi fuq il-kwalità tat-toroq ġodda u binjiet tal-housing soċjali. Dan l-ammont huwa kważi d-doppju tat-testijiet li saru matul is-sena 2018. Matul is-sena 2019 ukoll, l-istess direttorat għamel testijiet fuq 250 kilometru ta' bankini, ammont li jfisser żieda ta' 50 kilometru fuq l-ammont tas-sena 2018.

Ħabbret dan il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt żjara li għamlet fil-laboratorji li l-MCCAA għandha fil-Mosta. Il-Ministru Farrugia Portelli kienet akkumpanjata mis-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika  Deo Debattista.

Il-ministru ħabbret ukoll li d-Direttorat għas-Servizzi Laboratorji se jkompli jtejjeb is-servizzi tiegħu fejn jirrigwarda ttestjar ta' materjal ta' kostruzzjoni. Titjib li se jkun possibbli permezz ta' apparat ġdid li mistenni jasal fil-laboratorju fi żmien mhux 'il bogħod. Il-laboratorju, li huwa akkreditat mill-Bord Nazzjonali tal-Akkreditazzjoni, joffri 41 test f'dan is-settur.

Fost il-proġetti li saru testijiet fuq il-materjal ta' kostruzzjoni tagħhom minn dawn il-laboratorji hemm il-Marsa Junction; Triq Buqana, bejn il-Mosta u l-Imġarr; il-bypass ta' Santa Luċija; u Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat. Din it-triq kellha terġa' tingħata wiċċ ġdid wara li mit-testijiet li saru rriżulta li l-materjal użat ma kienx skont standards neċessarji.

Fl-istess laboratorji jsiru wkoll testijiet fuq kampjuni ta' konkrit li jittieħdu minn strutturi eżistenti. Dan sabiex ikunu stabbiliti s-saħħa u l-kwalità tal-materjal użat kif ukoll tkun analizzata l-kimika użata. Prodotti oħrajn li jiġu eżaminati fl-istess laboratorji jinkludu uniformijiet u żraben industrijali.

​Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista saħaq li wara l-kwinti ta' kull proġett relatat mal-laboratorji tal-MCCAA hemm numru ta' ħaddiema li kontinwament jiggarantixxu li dawn il- proġetti jkunu ta' suċċess. Huwa żied li ma jistax ma jissemmiex il-fatt li dawn il-laboratorji qegħdin kontinwament jiksbu riżultati pożittivi meta jiġu mqabbla ma' laboratorji akkreditati oħrajn.

Id-Direttorat għas-Servizzi Laboratorji huwa wieħed minn tliet direttorati li jagħmlu parti mill-Istitut għall-Metroloġija u l-Istandards fi ħdan l-MCCAA. Iż-żewġ direttorati l-oħra huma dak għall-Istandardizzazzjoni u d-Direttorat għall-Metroloġija.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista flimkien maċ-Chairperson tal-MCCAA, l-Inġ. Helga Pizzuto, iddawwru mal-laboratorju minn Dr Mario Mifsud, Direttur tal-Laboratorju u mill-Inġ. Frans Farrugia, Direttur Ġenerali fl-Istitut għall-Istandards u l-Metroloġija.

Iċ-Chairperson tal-MCCAA, l-Inġ. Helga Pizzuto, faħħret ix-xogħol importanti u vast li jsir f'dan il-laboratorju. Hija spjegat kif dan il-laboratorju jwettaq testijiet fuq materjal tal-kostruzzjoni, fuq drappijiet u fuq gassijiet mediċi fost oħrajn. Dan l-aħħar, il-laboratorju għamel aktar minn 10,000 test fuq gassijiet mediċi li ġew użati fl-isptarijiet tagħna.

Id-Direttur tal-Laboratorju Dr Mario Mifsud semma wkoll li t-Taqsima fi ħdan dan il-laboratorju li tagħmel testijiet fuq materjal ta' kostruzzjoni li jintuża fuq proġetti maġġuri tal-gvern hija akkreditata min-National Accreditation Board ta' Malta. B' kollox din it-taqsima għandha 40 test li huma akkreditati. Barra mit-testijiet imsemmija hawn fuq, il-laboratorju qiegħed ukoll jikkollabora mad-Dipartiment tal-Agrikoltira tal-Università ta' Bari dwar l-ispezzjonijiet ta' makkinarju u pompi tal-bexx li jintużaw mill-bdiewa Maltin. Fl-aħħar nett, waqt li d-Direttur Mario Mifsud irringrazzja lill-Ministru Julia Farrugia Portelli u lis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista talli għoġobhom iżuru l-laboratorju sabiex jiltaqgħu mal-ħaddiema, irringrazzja wkoll il-ħaddiema kollha tax-xogħol tagħhom.