Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201906

PR201906

05/10/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Rekord ta’ studenti fl-ITS - Ċertifikat ta’ fiduċja fis-settur turistiku

​​​

In-numru ta’ applikazzjonijiet reġistrati mal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) għas-sena akkademika 2020-21, li bdiet uffiċjalment illum, il-5 ta’ Ottubru 2020, huwa wieħed rekord. Meta mqabbel mas-sena preċedenti, dan jirrifletti żieda ta’ 22.2% u żieda ta’ 136% fuq is-sena akkademika 2018-2019.

L-ogħla żieda ta’ applikazzjonijiet ġodda tidher fil-programmi ta’ Baċellerat u tal-grad ta’ Masters. Bejniethom, dawn għandhom 136 student. L-ITS irċieva wkoll numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet għall-programmi li għadhom kif tnedew; id-Diploma fl-Ivvjaġġar Favur il-Klima, il-Baċellerat tax-Xjenza fl-Immaniġġjar tas-Sigurtà tal-Għadds u l-Kors Preparatorju għall-Baċellerat f’Arti Kulinarja, b’61 applikazzjoni mifruxin fuq it-tliet programmi.

Madwar 25% tal-istudenti full-time huma barranin li ġejjin minn 67 pajjiż differenti. Uħud minn dawn l-istudenti se jkunu qegħdin isegwu l-lezzjonijiet tagħhom online minħabba restrizzjonijiet tal-Covid-19 relatati ma’ vjaġġar. Dan seta’ jsir b’riżultat ta’ investiment qawwi fl-infrastruttura teknoloġika tal-ITS, li se tintuża wkoll mill-istudenti l-oħra kollha billi ċerti lezzjonijiet jistgħu jkunu segwiti b’mod virtwali.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli attendiet għall-ftuħ uffiċjali tas-sena akkademika tal-ITS u indirizzat lill-istudenti. Il-Ministru laqgħet b’sodisfazzjon il-fatt ta’ żieda daqstant sostanzjali fin-numru ta’ applikazzjonijiet ġodda. Hija ddeskriviet dan bħala konferma tal-importanza li l-industrija tal-ospitalità u t-turiżmu għandha fil-gżejjer Maltin. “In-numru sostanzjalment akbar f’korsijiet ta’ livell għoli jirrifletti wkoll il-viżjoni tal-gvern li jgħolli l-livell tal-industrija b’turiżmu ta’ iktar kwalità,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, qal li f’din in-norma ġdida, l-ITS din is-sena fetħet il-bibien tagħha għal aktar studenti. Fix-xhur li għaddew, l-ITS ħadem ħafna biex jipprepara għall-ftuħ tal-kampus bi protokolli ġodda, li diġà ġew ittestjati b’suċċess matul is-sessjonijiet ta’ rkupru li saru matul Settembru li għadda.

Indirizza wkoll lill-istudenti l-President tal-Kunsill tal-Istudenti Chris Mercieca. Huwa qal li dawn iż-żgħażagħ għażlu l-ITS għax għandhom tama qawwija fil-futur tal-industrija tat-turiżmu tal-gżejjer Maltin u jridu jassiguraw lilhom infushom li jkunu preparati tajjeb ladarba l-industrija tat-turiżmu tiġi lura għan-normal.

Carlo Micallef, Chairman tal-ITS, qal li l-pandemija wasslet biex kellhom jiddaħħlu bidliet fil-mod ta’ kif nitgħallmu, naħdmu u nissoċjalizzaw waqt li d-dinja kienet qiegħda tesperjenza l-effetti fuq saħħet il-bniedem u fuq il-benesseri tiegħu. Huwa żied jgħid li, madankollu, minnhom infushom l-isfidi joħolqu opportunitajiet dwar kif wieħed jista’ jkun innovattiv fl-attitudnijiet tiegħu. Hija din ix-xorta ta’ kultura li l-ITS  qiegħed jippromwovi mal-istudenti tiegħu, filwaqt li jinstigahom biex jittrasmettu d-diffikultajiet f’għodda li tagħmilhom aktar preparati u aktar f’saħħithom għall-futur. “L-ITS se jkompli jkun fuq quddiem fl-għajnuna lill-istudenti tiegħu biex jgħinhom jilħqu levelli ta’ eċċellenza, livelli li l-industrija turistika f’Malta u Għawdex se jkunu jeħtieġu għal wara l-Covid-19,” qal iċ-Chairman tal-ITS.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-Ministru Farrugia Portelli ddawret mal-kampus u tkellmet  ma’ diversi studenti li kienu fil-klassijiet. F’dan il-ħin, il-Ministru ħadet l-opportunità biex tiltaqa’ wkoll virtwalment ma’ numru ta’ studenti li kienu qegħdin jipparteċipaw fil-lezzjonijiet bis-sistema online. Dan wara li l-amministrazzjoni tal-ITS implimentat protokolli biex ikun limitat in-numru ta’ studenti fil-klassijiet. Numru ta’ studenti qed jingħataw il-lezzjonijiet b’mod virtwali fuq sistema ta’ rotazzjoni, filwaqt li oħrajn ingħataw l-għażla li jattendu għal-lezzjonijiet fuq il-kampus jew isegwuhom online.