Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201946

PR201946

09/10/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU, MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MARA TAL-PRIM MINISTRU

Imfakkar il-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali bi żjara fi kliniċi ġodda

Għall-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-mara tal-Prim Ministru Lydia Abela inawgura kliniċi ġodda tal-kura tas-saħħa mentali fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Qormi.

Għadd ta’ timijiet multidixxiplinarji li jinkludu psikjatri, nurses, psikologi, social workers u occupational therapists bdew joffru s-servizzi tagħhom minn dan iċ-ċentru f’dik li hija waħda mill-bidliet strateġiċi inkluż fl-istrateġija nazzjonali dwar il-kura tas-saħħa mentali. 

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li b’din il-bidla l-pazjenti li jieħdu kura għas-saħħa mentali m’għandhomx bżonn bilfors imorru l-Isptar Mater Dei jew l-Isptar San Luqa għas-servizz tal-professjonist iżda jibqgħu fil-komunità stess. Dan peress li għall-ewwel darba wkoll minn dan iċ-ċentru se jingħata servizz minn psikjatri fil-qasam tal-anzjani kif ukoll tad-diżabilità intellettwali. 

“Il-kura tas-saħħa mentali tibqa’ waħda mill-prijoritajiet tal-qasam tas-saħħa f’pajjiżna. Il-kliniċi li qed ninawguraw f’Ħal Qormi huma eżempju ta’ kif qed naħdmu iktar viċin in-nies, iktar viċin il-komunità”, qal id-Deputat Prim Ministru. 

Dr Lydia Abela faħħret din l-inizjattiva li toffri iktar inklużjoni għax tippermetti li l-individwi jibqgħu integrati fis-soċjetà waqt li jieħdu l-kura meħtieġa. Enfasizzat li dawn it-tip ta’ programmi ħolistiċi jgħinu lill-persuni jkomplu jsaħħu d-dinjità tagħhom u tagħtihom il-kuraġġ li jkomplu bil-ħajja ta’ kuljum, fejn trabbew u ma’ min trabbew. 

“Il-persuni b’mard mentali għandhom bżonn sostenn kontinwu u għalhekk importanti li jibqgħu jkunu assistiti fil-komunità tagħhom”, sostniet Dr Abela. 

Irrimarkat ukoll li f’pajjiżna hawn madwar 35,000 persuna li għandha bżonn xi tip ta’ kura għas-saħħa mentali, numru li kiber tul il-pandemija. Għalhekk appellat biex jiżdiedu s-servizzi fil-komunità biex kull membru tal-familja, inklużi t-tfal, isibu l-assistenza psikoloġika neċessarja tul dawn iż-żminijiet diffiċli.