Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201967

PR201967

12/10/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Investiment ta’ €1.2 miljun fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira

Għaddejjin xogħlijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira biex din il-binja ssir iktar aċċessibbli, moderna u, fuq kollox, biex toffri iktar servizzi lir-residenti tad-disa' lokalitajiet fil-madwar.

​Waqt żjara fuq is-sit, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif, ladarba jkun lest il-proġett, f'Marzu tas-sena d-dieħla, iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gzira se jkun qed joffri mas-sebgħa u għoxrin servizz lill-komunità. Għaldaqstant, dan il-proġett se jkompli jimplimenta l-politika tal-Gvern li kemm jista' jkun il-pazjent jieħu servizz fil-pront u fil-komunità stess minflok jirrikorri għal Mater Dei meta ma jkunx hemm bżonn.

Huwa fakkar kif iċ-Ċentru tal-Gzira huwa wieħed minn tmien ċentri tas-saħħa u erbgħa u ħamsin klinika fil-komunità li qed jiġu rinovati jew mibnija mill-ġdid madwar Malta u Għawdex.

Ix-xogħlijiet, li huma mmexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, qed isiru b'investiment ta' €1.2 miljun minn fondi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FMS, Carmen Ciantar, spjegat kif bħalissa fis-sulari kollha tneħħew is-servizzi u qegħdin isiru wkoll emendi strutturali skont id-disinn il-ġdid. Ix-xogħlijiet jinkludu xogħol ta' madum, ta' kisi u partitions, installazzjoni ta' sistema ġdida tal-elettriku, waterproofing, suffetti ġodda, rinovazzjoni tal-faċċata u l-installazzjoni ta' lift, generator, u X-ray machine ġdida.

Hu stmat li ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gzira jaqdi 'l fuq minn sebgħin elf persuna, tant li fl-2019 iċ-ċentru kellu mal-122,000 appuntament, numru li mistenni jiżdied meta jerġgħu jinfetħu l-bibien is-sena d-dieħla grazzi għat-titjib fl-aċċessibilità.