Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201987

PR201987

14/10/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Dehra ġdida lil Wied Għomor, bħala parti minn investiment totali ta’ €330,000

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, żaru Wied Għomor fejn għadhom kif intemmew xogħlijiet ta' titjib b'investiment ta' €25,000 mill-Ministeru għat-Turiżmu u kofinanzjati minn fondi Ewropej.

Wied l-Għomor huwa wieħed minn sensiela ta' widien li qed jingħataw dehra ġdida minn Parks Malta – sensiela li tinkludi Wied Garnaw f'Santa Luċija li x-xogħol fih ġie inawgurat iktar kmieni din is-sena, Wied il-Fiddien fir-Rabat, Wied ir-Rum f'Ħad-Dingli, u l-Wied tal-Ġnejna fl-Imġarr. Dawn il-ħames proġetti flimkien għandhom investiment totali ta' €330,000.

F'dan il-wied fil-limiti tas-Swieqi u San Ġwann, il-ħaddiema ta' Parks Malta bnew 110 metri kubi ta' ħajt għal-lqugħ mill-ilma tax-xita li jiċċirkola fiż-żona li b'hekk inaqqas l-erożjoni ta' ħamrija minn għelieqi fil-madwar.

Barra minn hekk, tneħħew speci invażivi bħas-siġar tal-Acacia u siġar tar-riġnu. Dawn inbidlu ma' iżjed minn 200 siġra u arbuxelli indiġeni. Dan filwaqt li ġiet installata wkoll sistema ta' irrigazzjoni.

​Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret din il-ħidma sfiqa li saret fl-aħħar xhur li qed twassal biex il-widien ta' pajjiżna jingħataw l-importanza u l-ħarsien li tant jixirqilhom.

“Il-widien tagħna huma l-pulmun ta' pajjiżna. Għaldaqstant huwa importanti li nkomplu nintervjenu biex insaħħu s-sistemi ekoloġici f'dawn il-widien u sabiex iservu ta' spazju fejn wieħed jista jqatta' ftit ħin 'il bogħod mill-ħajja mgħaġġla. M'aħniex biss qegħdin nistrieħu fuq interventi bħal dawn, iżda wkoll b'investiment separat ta' €17-il miljun, qegħdin naħdmu fuq li nimplimentaw pjan biex nimmaniġġjaw aħjar u ntejbu r-riżorsi ambjentali fil-widien tagħna", saħqet il-Ministru Farrugia Portelli.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar kif permezz ta' fondi Ewropej qed inkomplu nsaħħu l-ambjent rurali ta' pajjiżna, filwaqt li nassiguraw li l-iżvilupp ikun wieħed sostenibbli. Għalhekk, huwa saħaq ukoll dwar kif irridu nkomplu nħaddru l-ambjent urban biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom kwalità ta' ħajja aħjar. Is-segretarju parlamentari kkonkluda billi qal li proġett bħal dan juri kif il-kollaborazzjoni bejn il-gvern u l-kunsilli lokali tagħna ssarraf f'suċċess għall-benefiċċju tan-nies tal-lokal, biex inkomplu insaħħu r-rikkezza tal-ambjent Malti.

Preżenti flimkien mal-ministru u s-segretarju parlamentari kien hemm is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat, is-Sindku ta' San Ġwann Trevor Fenech, u Alex Borg Galea, l-uffiċjal inkarigat mill-Valley Management fi ħdan Parks Malta.