Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201995

PR201995

14/10/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U L-INDAFA PUBBLIKA

Konferenza diġitali dwar il-Jum Dinji tal-Istandards – 'Nipproteġu d-dinja bl-istandards'​​

L-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, tellgħet konferenza diġitali fil-Jum Dinji tal-Istandards. It-tema kienet 'Nipproteġu d-dinja bl-istandards', u kienet iffukata fuq kif l-istandards jgħinu s-sostenibbiltà billi jtaffu l-impatt ambjentali tal-produzzjoni u l-proċessi, filwaqt li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid ta' riżorsi limitati u tittejjeb l-efficjenza tal-enerġija.

 

Il-konferenza kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Internazzjonali tal-Istandards (ISO) u inkludiet ukoll diskussjoni ma' panel ta' esperti tal-industrija dwar is-sostenibbiltà f'Malta u l-irwol tal-industrija li ttaffi l-impatt fuq l-ambjent. Il-benefiċċji li organizzazzjoni tkun ċertifikata mill-ISO u l-esperjenza fl-iżvilupp tal-istandards kienu diskussi wkoll.

 

Francesca Fabri, Faye Galea u Krista Mercieca, tliet ambaxxaturi żgħażagħ għas-sostenibbiltà esprimew il-ħsibijiet dwar l-aspirazzjonijiet tagħhom u tkellmu dwar kif l-istandards jolqtu ħajjithom minn jum għal jum. L-ambaxxaturi ntgħażlu wara kompetizzjoni bejn tfal li jattendu skejjel primarji u sekondarji li kellha l-għan li tagħti vuċi lill-ġenerazzjoni ta' għada.

 

Fid-diskors tagħha, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli enfasizzat l-importanza ta' kif l-istandards jippromwovu l-użu tal-aqwa prattiċi li huma maqbula abbażi ta' konsensus bejn l-industriji, l-assoċjazzjonijiet, il-konsumatur u oħrajn. Irrimarkat kif l-istandards jippromwovu kwalità ta' ħajja aħjar b'mod iżjed sostenibbli waqt li jkollha impatt minimu fuq l-ambjent. “Nieħu gost nara kif anke fis-settur tat-turiżmu kien hemm numru ta' lukandi li mxew ma' standards għolja u għaldaqstant l-mira tal-gvern hi li jkollna turiżmu sostenibbli", temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista rrimarka dwar kif l-istandards għandhom impatt tanġibbli u jipproteġu u jippromwovu l-informazzjoni neċessarja biex isiru għażliet tajbin. Innota kif l-istandards jgħinu jagħmlu l-prodotti u s-servizzi aħjar u iżjed siguri li jwasslu għal kwalità ta' ħajja aħjar.

 

Iċ-Chairperson tal-MCCA l-Inġ. Helga Pizzuto tkelmet dwar l-irwol tad-direttorat tal-istandards fi ħdan l-MCCAA. Dan id-diretorrat żviluppa numru ta' standards li huma ta' importanza nazzjonali f'suġġetti varji – mill-installazzjoni ta' panelli fotovoltajċi għal green roofs. Meta jiġu mfassla dawn l-istandards, dejjem tittieħed f'konsiderazzjoni s-sostenibbiltà. Dawn jinkludu l-iżvilupp ekonomiku, l-inklużjoni socjali u l-protezzjoni tal-ambjent, fatturi li huma kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda għal Żvilupp Sostenibbli.